L-ETC tgħid li l-każi ta’ fastidju huma rari fiċ-ċentru ta’ Ħal Far

Il-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ saħaq li t-tfajla li ġiet iffastidjata u aggredita fiċ-Ċentru tat-Taħriġ f’Ħal Far, ingħatat l-għajnuna minn dawk li kienu fuq il-post.
Fid-dritt għar-risposta għall-artiklu ta’ Newsbook.com.mt, kelliem għall-ETC qal li dak li ġara fit-2 ta’ Awwissu li għadda ġie rrappurtat lill-maniġment tal-ETC.
Spjega li l-uffiċjal tas-sigurtà tal-ETC għamel il-parti tiegħu kif ukoll ċempel lill-Pulizija li waslu fuq il-post fi ftit ħin. Żied jgħid li uffiċjal ieħor tal-ETC fiżikament ħareġ lir-raġel ta’ nazzjonalità barranija, ‘il barra miċ-Ċentru tat-Taħriġ, minħabba li wara dan l-inċident kellu inċident ieħor ma’ xi persuni oħra fir-reception tal-istess ċentru.
Il-Kelliem għall-ETC qal li meta l-pulizija waslu fuq il-post, tkellmu mal-persuni konċernati u ħadu lir-raġel magħhom. Sostna li bħalissa l-pulizija tinsab għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha, biex jiġu stabbiliti l-fatti u jittieħdu l-passi meħtieġa.
Saħaq li l-Korporazzjoni tiddikjara, li waqt il-ħinijiet kollha li jingħata t-taħriġ, dejjem ikun hemm uffiċjal tas-sigurtà assenjat fiċ-Ċentru.
Spjega kif f’dan iċ-Ċentru jattendu ħafna persuni għat-taħriġ, inkluż persuni ta’ nazzjonalità barranija. Sostna li minkejja l-għadd kbir ta’ nies li jattendu għat-taħriġ, każijiet bħal dawn huma rari ħafna.
Nhar il-Ġimgħa, it-tfajla ta’ 20 sena rrakkuntat ma’ Newsbook.com.mt, kif ġiet iffastidjata u aggredita minn raġel allegatament Tuneżin, meta flimkien ma’ sħabha marret għall-kors f’Ħal Far.
Sadanittant mistoqsijiet li Newsbook.com.mt bagħat lill-Ministeru tal-Edukazzjoni għadhom ma ġewx imwieġba.