L-ETA tintemm darba għal dejjem sa Ġunju li ġej

Il-grupp terrorista mir-reġjun Bask fi Spanja, l-ETA, mistenni jisfaxxa fix-xejn darba għal dejjem fil-ġimgħat li ġejjin, wara aktar minn 40 sena t’attiviżmu.
Lura fl-2011 il-grupp kien diġà ċeda l-armi kollha u ma involva ruħu fl-ebda attività oħra, u issa Agus Hernán, f’isem l-International Contact Group, l-istess grupp li ra li fl-2011 l-ETA ċċedi l-armi kollha, ikkonferma ma’ gazzetta Spanjola li sa Ġunju l-grupp ikun intemm.
ETA, fil-qosor għal “ħelsien u patrija fir-reġjun Bask” bl-Ispanjol, kien twaqqaf bħala organizzazzjoni kulturali fl-1959, iżda spiċċa biex sar wieħed mill-aktar gruppi terroristiċi kiefer fl-Ewropa.
Mill-1968 sal-2010 l-grupp kien qatel b’kollox aktar minn 820 persuna, li l-biċċa l-kbira minnhom kienu nies fit-triq. Il-kampanja li kien jippromwovi l-grupp meta kien attiv kienet dik ta’ kale borroka, jiġifieri azzjoni fit-triq magħmula mill-irvellijiet u l-vandaliżmu.
Meta fl-2011 l-ETA ddikjarat li ċediet l-armi, preżenti kien hemm is-Segretarju Ġenerali ta’ dak iż-żmien tan-Nazzjonijiet Magħquda, Kofi Annan, u l-President ta’ dak iż-żmien tal-Irlanda, Bertie Ahern.
Wieħed mill-aktar attakki li jibqa’ sinonimu mal-ETA kien dak tal-1973, meta qatlu lill-Prim Ministru Spanjol, Luis Carrero Blanco, li kien il-magħżul tad-dittatur Francisco Franco, b’bomba fil-karozza li kien fiha.
Madankollu l-grupp sar popolari minħabba l-imwiet ta’ nies innoċenti, speċjalment fl-attakk fi stabbilment tax-xiri fl-1987, meta mietu 21 persuna.
Fl-1997 il-grupp ħataf u qatel lill-politiku żagħżugħ Miguel Angel Blanco, liema atta ġab l-istmerrija internazzjonali fuq il-grupp.
Fl-2007 mexxejja favur li r-reġjun ikun awtonomu kienu ħabbru li se jsir referendum, iżda Spanja kienet qatgħetha li dan kien kontra l-kostituzzjoni, kif ġara m’ilux fil-Katalunja.
Madankolli s-sentiment nazzjonalist fir-reġjun għadu qawwi. Fil-fatt l-alleanza ta’ nazzjonalisti tal-lemin, EH Bildu, huwa t-tieni l-akbar partit fil-parlament tar-reġjun wara l-Partit Nazzjonalista Bask.