L-età għall-e-scooter se tinżel għal 16-il sena – Ian Borg

Il-Ministru  għat-Trasport Ian Borg ħabbar li l-età għall-użu tal-e-scooters se tinżel għal 16-il sena. Hu ħabbar dan waqt mozzjoni li tressqet mid-deputati tal-Oppożizzjoni Demokratika Godfrey u Marlene Farrugia biex jemendaw avviż legali li jirregola l-Mikromobilità  li daħal fis-seħħ fl-2019.

Huma argumentaw li regolamentazzjoni żejda qerdet l-użu tal-e-scooters. Godfrey Farrugia qal li filwaqt li l-iskop wara dawn ir-regolamenti huwa tajjeb għax jesiġu obbligi u dmirijiet, ħonqu l-użu dejjem jikber tal-e-scooter.

Hu stqarr li l-multi li jaqbżu l-€2,000 u jitilgħu sa €4,600 huma għoljin u ma tantx iħeġġu l-użu ta’ dan it-trasport alternattiv. Farrugia stqarr li l-kontravenzjonijiet dwar limitu tal-veloċità huma l-istess bħal tal-karozzi anzi pjuttost ftit agħar.

Hu nsista li dan hu metodu ta’ trasport li minbarra li jagħti awtonomija lill-individwi, għandu jiġi inkoraġġit għal użu ewlieni jew last mile approach.

Bl-istess mod, il-kelliem tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista Toni Bezzina qal li meta l-e-scooters ma jistgħux jiġu misjuqa f’toroq arterjali u distributorji, qed joħolqu diżinċentiv għal min irid juża l-e-scooter bħala mezz ta’ trasport.

Id-Deputat tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista David Thake qal li l-avviż legali mar wisq lil hinn mill-iskopijiet tiegħu. Fi kliemu l-obbligu ta’ assikurazzjoni għall-e-scooters hu żejjed. Huwa qal li skont stħarriġ li sar irriżulta li  madwar 36% tal-vjaġġi tal-e-scooters jieħdu post mixja ,10% jieħdu post vjaġġ bir-rota, 36% jieħdu post vjaġġ bil-karozza u 10% jieħdu post vjaġġ bit-trasport pubbliku. Dan ifisser li nofs il-vjaġġi tal-e-scooters qed ineħħu l-piż tal-karozzi jew tat-trasport pubbliku.