Aġġornata(2): Il-MEPA tapprova l-estensjoni tal-Mużew tal-Kon-Katidral

L-applikazzjoni għall-estensjoni u tisbieħ tal-Mużew tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann ġiet approvata mill-Bord tal-MEPA llum waranofsinhar, b’ħames voti favur u tnejn kontra.
Il-proġett hu tal-Fondazzjoni tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann u mistenni jwassal biex joħloq l-ispazju meħtieġ biex it-teżori tal-Kon-Katidral ikunu jistgħu jiġu esposti b’mod adegwat.
Dawn jinkludu d-29 arazzi ta’ żmien il-Kavallieri, li huma meqjusa uniċi fid-dinja.
Waqt il-laqgħa tal-MEPA, il-kuratur tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann spjegat li nofs it-turisti li jaslu f’Malta jmorru jaraw il-mużew tal-Kon-Katidral li hu l-iktar post popolari f’Malta. Spjegat ukoll li l-binja tas-snin 60 hi żgħira u mhix komda għall-volum ta’ turisti li jżuruha llum.
Qalet ukoll li mid-dħul tat-turisti fil-Kon-Katidral intużaw €7 miljun biex imorru fi proġett ta’ restawr tal-arazzi u li b'dan il-proġett, jitqiegħdu fi swali apposta. L-arazzi għandhom it-tema tal-Ewkaristija. 
Malta għandha l-ikbar sett ta’ arazzi fid-dinja, bl-istess Fondazzjoni tal-Kon-Katidral qed tinvesti fi proġett ta’ iktar minn biljun ewro, li ilu għaddej mill-2006, biex dawn jiġu restawrati fil-Belġju. 
Minbarra s-sala għall-arazzi, il-proġett se jfisser ukoll ċentru ddedikat għal Caravaggio, u se tinbidel id-daħla tal-mużew għal waħda iktar adattata b’faċilitajiet u aċċessibiltà għal kulħadd. 
Waqt il-laqgħa tal-MEPA saru suġġerimenti mill-UNESCO għall-estensjoni tal-proġett waqt li ġie enfasizzat li dan hu proġett ta’ importanza nazzjonali li jwassal l-identità ta’ Malta barra mill-pajjiż.
F’Awwissu li għadda, il-MEPA ssospendiet id-deċiżjoni tagħha dwar din l-applikazzjoni minħabba li lejlet il-laqgħa rċeviet komunikazzjoni mill-Ambaxxatur tal-UNESCO dwar tħassib tal-Kunsill Internazzjonali tal-Monumenti u Siti (ICOMOS) fir-rapport tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu għall-proġett.
Ir-rakkomandazzjoni tal-uffiċjal tal-MEPA kienet li dan il-permess jingħata.
Waqt il-laqgħa tagħha tal-lum, il-MEPA approvat ukoll it-tiġdid tal-permess mogħti snin ilu lill-Awtorità Marittima ta' Malta, illum Transport Malta, marbut mat-twaqqigħ u l-bini tat-terminal tal-passiġġieri fiċ-Ċirkewwa.