L-estensjoni tal-miżbla hija daqs 35 grawnd tal-futbol – PN

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-bdiewa mħassba li se jiġu żgumbrati mill-għelieqi tagħhom biex issir estensjoni tal-miżbla

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-estensjoni tal-miżbla skont il-bdiewa involuti se tittieħed mal-400 tomna art agrikola. Dan filwaqt li skont il-kalkoli ta’ qisien li jidhru fil-Gazzetta tal-Gvern l-ammont ta’ raba li se jittieħed se jkun ta’ 226 tomna, li huma daqs 35 grawnd tal-futbol.

FI stqarrija, il-PN qal li huwa preokkupat f’isem l-għexieren ta’ bdiewa li huma mħassba dwar l-avviż tal-Wasteserv li jindika li se jsir eżerċizzju minn din l-entità biex jittieħdu madwar 226 tomna ta’ raba fl-inħawi tal-Magħtab. Dan ifisser li dawn il-bdiewa se jiġu żgumbrati mill-għelieqi tagħhom u magħhom hemm ukoll residenti involuti li jistgħu jispiċċaw ikunu mkeċċija minn fejn qed jgħixu issa fl-istess inħawi.

Saħqu li dan huwa ammont kbir ta’ raba li se jonqos mill-ammont ta’ raba maħdum f’pajjiżna.

Fi stqarrija ffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-biedja u s-sajd Edwin Vassallo, il-Partit Nazzjonalista qal li huwa kontra li din ir-raba tittieħed biex isir kontinwazzjoni tal-landfill u għalhekk kontra li din ir-raba tinqered. L-istqarrija ttemm tgħid li l-PN se jibqa’ jaħdem fuq dan il-każ biex toħroġ il-verità kollha għaliex din ir-raba ser tittieħed.