“L-estensjoni tal-AUM m’għandhiex issir; università fantażma” – Delia

Read in English.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista (PN) Adrian Delia sostna kontra estensjoni tal-Università Amerikana f’Malta (AUM) f’Bormla, hekk kif tenna li hi “università fantażma”. Dan għaliex fi kliemu, l-università għaddiet f’idejn persuni mingħajr esperjenza fil-qasam edukattiv, u l-wegħda ta’ eluf ta’ studenti ma seħħetx.

Delia qal dan waqt attività politika fil-każin tal-Partit Nazzjonalista f’Ħaż-Żabbar.

Delia sostna li jappoġġja l-istqarrija maħruga mill-Kumitat Sezzjonali PN Bormla li oġġezzjona għall-estensjoni tal-università. Il-Kumitat saħaq li f’Bormla m’hemmx fejn isir żvilupp ta’ dan it-tip, u li r-residenti f’Bormla se jitilfu l-ispazju li għad fadal. Fil-kummenti fuq il-paġna tiegħu, il-Kumitat qal li din hija “skuża biex erbgħat ijiem oħra tiġi konvertita f’lukanda”.

Il-Kumitat Sezzjonali PN Bormla ghadu kif hareg Stqarrija ghall-iStampa fejn ippronunzja ruhu kontra l-izvilupp…

Posted by Partit Nazzjonalista Bormla on Tuesday, September 3, 2019

Dan wara li l-Awtorità tal-Ippjanar irrifjutat il-pjanti kurrenti li jikkonsistu f’kumpless ta’ erba’ sulari u parkeġġ taħt l-art mibni fuq il-parkeġġ li hemm ħdejn il-grada li tagħti għall-Isla. Minflok, id-Direttorat irrakkomanda lill-Università li tippreżenta applikazzjoni ġdida għall-blokka.

Aqra: “4 sulari oħra għall-AUM ta’ detriment għall-madwar” – PA; deċiżjoni f’Settembru

Barra minn hekk, ftehim li ġie ffirmat f’Marzu li għadda bejn l-Università Amerikana f’Malta (AUM) u l-Arkansas State University (ASU) ġie ffriżat peress li qam tħassib dwar it-tkeċċija ta’ kważi l-għalliema kollha tal-AUM is-sena l-oħra.

Skont l-Arkansas Democrat Gazette, l-AUM mhix università Amerikana. Is-sid tagħha hija kumpanija tal-kostruzzjoni mill-Ġordan. Skont uffiċjali, hija università ta’ stil Amerikan, u l-membri fil-fakultà għandhom kwalifikazzjonijiet minn universitajiet Amerikani.

Aqra: Università Amerikana f’Malta: Wieħed mill-ftehimiet iffriżat wara tħassib – rapport

“Aħna favur l-investiment meta dan isir bis-serjetà” – Delia

Delia żied jgħid kif il-Partit Nazzjonalista huwa favur l-investiment meta dan isir “bis-serjetà”.

Sostna li fid-dokument ta’ qabel il-baġit, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed janalizza s-sitwazzjoni ekonomika fil-pajjiż u jipproponi kif gvern ġdid Nazzjonalista joħloq il-gid li minnu jgawdi kulħadd.