L-esperti tad-due diligence tal-PN jitolbu aktar mingħand Delia

Read in English.

L-esperti esterni li qed iħejju r-rapport tad-due diligence dwar il-kandidati prospettivi għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista talbu aktar informazzjoni mingħand il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia.

Newsbook.com.mt jinsab infurmat mingħand sorsi qrib il-Partit Nazzjonalista li l-istess esperti lestew ir-rapport dwar Bernard Grech. L-istess sorsi qalu li r-rapport dwar Adrian Delia għadu mhux konkluż u tawh ċans sa nhar it-Tnejn li ġej biex jissottometti aktar informazzjoni u dokumenti.

Ikkuntattjat minn Newsbook.com.mt, membru tal-panel qal li l-ħidma tagħhom għadha għaddejja fuq iż-żewġ kandidati iżda ma setgħax jikkonferma jekk intalbitx aktar informazzjoni mingħand Dr Delia.

Meta mistoqsi dwar dan Adrian Delia qal li mhux se jwieġeb mistoqsijiet qabel ma jkun konkluż l-eżerċizzju li qed isir bl-istatut riformat ġdid immexxi minnu. Minkejja dan, Delia qal li mhux sew li jkun hemm spekulazzjonijiet sakemm l-esperti jagħmlu xogħlhom. Qal li lest iwieġeb għall-mistoqsijiet kollha wara, biex hekk joħroġ fid-deher l-evalwazzjoni trasparenti li saret fit-tmexxija tal-PN.

L-istess mistoqsija ntbagħtet lil Bernard Grech fejn qal li kulma ntalab jissottometti ġie sottomess fil-ħin. Stqarr ukoll li bħalissa ma għandu l-ebda talba mill-panel għal xi dokumenti jew informazzjoni oħra.

Bernard Grech qal li se jippubblika r-rapport hekk kif jingħatalu mill-Partit Nazzjonalista.

L-elezzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista mistennija li ssir bejn l-aħħar ta’ Settembru u l-bidu ta’ Ottubru li ġej b’diversi ġranet ta’ votazzjoni f’għadd ta’ każini tal-partit madwar Malta u Għawdex.

Il-Kummissjoni Kandidati mmexxija minn Colin Bowman ħatret kumitat ta’ esperti li xogħlhom huwa li issir evalwazzjoni taż-żewġ kandidati. Skont ma jitlob l-istatut tal-PN, din l-evalwazzjoni trid issir fuq l-idoneità, li Bowman ikkonferma li kemm Delia kif ukoll Grech huma idonei biex isiru Kap, kif ukoll mil-lat ta’ diliġenza pruvata. Skont l-informazzjoni li għandu Newsbook.com.mt, għal din tal-aħħar jidher li l-kumitat ta’ esperti qed jistenna aktar dokumenti mingħand Delia.

Il-kumitat għandu sitt ġimgħat ċans mill-10 ta’ Awwissu biex jissottometti r-rapporti lill-Kummissjoni Kandidati.

Il-Kummissjoni Kandidati tal-PN immexxija minn Colin Bowman ħarġet stqarrija li fiha tkellmet dwar ir-reazzjoni tan-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili li qalu li Delia ma għaddiex mill-eżami tad-Due Diligence. Bowman qal li l-esperti għadhom għaddejin b’xogħlhom.

B’reazzjini għal dan Adrian Delia ħareġ messaġġ permezz ta’ Facebook Live fejn insista li dan il-grupp irid jaħtaf lill-Partit Nazzjonalista u hu mhux se jħallihom għax qal li m’għandhomx għal qalbhom il-verità u l-ġustizzja.