L-esperti ta’ GRECO tawna raġun – Delia

PN

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-esperti li ppubblikaw ir-rapport tal-GRECO dwar Malta taw raġun lill-Oppożizzjoni dwar is-sitwazzjoni fil-pajjiż.

Delia qal dan waqt attivita politika fin-Naxxar. Qal li r-rapport ta’ GRECO ma jistax jiġi ppubblikat mingħajr il-kunsens tal-Gvern. Delia kompla jgħid li l-pajjiżi kollha prattikament jaċċettaw minnufih biex dan ikun ippublikat. Qal li għall-ewwel il-Gvern Malti beda jilgħab il-logħob u żammu fil-kexxun.

Ir-rapport dwar Malta tal-Grupp ta’ Stati tal-Kunsill tal-Ewropa kontra l-korruzzjoni magħruf bħala l-GRECO qal li Malta għandha istituzzjonijiet li jidhru impressjonanti fuq il-karta, però jgħid ukoll li hemm mistoqsijiet dwar l-effettività tagħhom.

Istituzzjonijiet tajbin fuq il-karta; imma effettivi? – GRECO

Delia tkellem ukoll dwar l-irwol tal-Avukat Ġenerali. Qal li dan suppost qed jiddefendi l-kostituzzjoni. Qal li l-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici ħabbar li l-irwol se jkunu qed jinqasam fi tnejn – ta’ Avukat Ġenerali u ta’ Prosekutur Ġenerali. Però, il-prosekutur se jkun maħtur mill-Prim Ministru. Delia qal li minflok persuna waħda li qed tinġibed minn spaga, issa se jkun hemm tnejn.

Delia qal li Bonnici mhux se jidħak bih. Qal li Bonnici għandu jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja kollha, jew inkella jista’ jaqbad u ma jimplimenta xejn. Fi kliem Delia, il-Gvern Laburista tela’ fuq l-għajta ta’ ‘Malta tagħna lkoll’ però fil-verità din l-għajta kellha tkun ‘Malta tagħhom biss’. Żied jgħid li s-sitwazzjoni f’Malta ġiet agħar minn kif kienet fis-snin tmenin.

Aktar kmieni fil-Parlament, Delia talab biex jiġi diskuss ir-rapport tal-GRECO fi żmien ġimgħa.

Tista’ taqra aktar dwar id-diversi reazzjonijiet li daħlu dwar ir-rapport tal-GRECO minn hawn.