“L-esperjenzi personali mar-refuġjati jtemmu l-biża’ mċajpra” – Il-Papa

Il-Papa Franġisku qal li l-esperjenzi personali mar-refuġjati jtemmu l-biża’ mċajpra u l-ideoloġiji foloz fuqhom.
Waqt l-Anġelus fi Pjazza San Pietru, il-Papa Franġisku fakkar li nhar it-Tlieta li ġej id-dinja se tfakkar il-Jum Dinji tar-Refuġjati.
Huwa ħeġġeġ lil kulħadd biex jibni komunità ta’ ħbiberija għar-refuġjati.
Saħaq li l-laqgħat mar-refuġjati iwasslu sabiex tissaħħaħ l-umanità u biex jinbnew il-pontijiet mar-refuġjati.
Il-Papa Franġisku qal li l-istejjer ta’ uġigħ u ta’ tama tar-refuġjati jistgħu jkunu opportunitajiet għal għarfien reċiproku bejn ir-refuġjati u s-soċjetà.
Huwa tenna kemm-il darba li s-soċjetà għandha tappoġġja r-refuġjati b’mod partikolari lil dawk li jaħarbu mill-kunflitti, il-gwerra, il-vjolenza u l-persekuzzjoni.