“L-esperjenzi li għext magħkom se jibqgħu minquxin f’qalbi” – Il-President

OPR

Il-President Marie-Louise Coleiro Preca ħarġet nota ta’ apprezzament lill-poplu Malti u Għawdxi tal-appoġġ li wrieha tul l-aħħar ħames snin peress li din il-ġimgħa tara l-aħħar ftit jiem tal-presidenza tagħha.

Hija qalet li kien unur u privileġġ għaliha li tul il-ħames snin li għaddew kellha l-opportunità li taqsam l-esperjenza bħala l-President ta’ Malta flimkien mal-poplu, bħala waħda minnu. Qalet li hi ħadmet qatigħ sabiex taqdi d-dmirijiet kostituzzjonali tagħha għaliex temmen fid-demokrazija.

Il-President Coleiro Preca qalet li hija grata lejn ir-rappreżentanti tal-poplu fil-Parlament għaliex għall-ewwel darba kien hemm qbil unanimu mill-Gvern u mill-Oppożizzjoni dwar in-nomina tagħha għal President. Hija awgurat li dan il-qbil unanimu jibqa’ preżenti għas-suċċessuri tagħha.

Hija rringrazzjat lill-Gvern u lill-Oppożizzjoni talli aċċettaw b’rispett il-fehmiet tagħha minkejja li sikwit ikkritikathom. Ir-ringrazzjament ewlieni tagħha kien għall-Maltin u l-Għawdxin tar-rispett u l-appoġġ li tawha, anke dawk li kkritikawha għax tgħallmet mingħandhom ukoll.

Il-messaġġ tal-President kien mimli apprezzament, ringrazzjamenti u kuraġġ għall-futur, tama f’pajjiż magħqud u uniku.

Hija temmet tgħid li l-esperjenzi li għexet se jibqgħu minquxin f’qalbha. Awgurat ukoll lis-suċċessur tagħha George Vella għall-presidenza tiegħu.

Aqra l-messaġġ sħiħ tal-President Marie-Louise Coleiro Preca hawnhekk.