“L-esperjenza tad-dar taf tkun ħolma kerha “ –L-Isqof Mario Grech

L-Isqof Mario Grech qal li għal ċertu familji l-esperjenza tad-dar taf tkun ħolma kerha minħabba l-abbuż li jġarrbu fil-familja stess.
F’ittra pastorali mibgħuta lill-familja kollha f’Għawdex , l-Isqof Grech kiteb li minn naħa l-oħra għal ħafna mill-familji, id-dar hija post ta’ mistrieħ u għożża fejn wieħed jista’ jsib kenn mill-istorbju u l-perikli tal-ħajja.
Skont Mons. Grech, in-nisa miżżewġa huma l-akbar kategorija li tbati minħabba din il-vjolenza domestika. Qal li magħhom hemm ukoll l-ulied, l-anzjani, u l-persuni vulnerabbli.
Fi kliem l-Isqof, il-vjolenza tista’ tkun fiżika, sesswali, psikoloġika, verbali, emozzjonali, finanzjarja, morali, u spiritwali. Qal li “ħafna drabi l-aggressur juża l-vjolenza biex mingħalih juri kemm huwa b’saħħtu u jikseb ħakma fuq il-vittma.”
“Biex jieħu dak li jrid, l-aggressur jagħmel minn kollox biex iġib taħt idejh lill-vittma u għalhekk jgħajjat, jumilja, jgħajjar, jhedded, ibaxxi, isawwat, ibeżża’, ixewwex, jigdeb, u l-bqija. Fi kliem ieħor, jipprova jneżża’ mid-dinjità umana tagħha lill-persuna li suppost ikun iħobb” żied jgħid l-Isqof.
Fl-ittra, Mons. Mario Grech qal li jekk il-vittma għandha tingħata l-għajnuna biex toħroġ minn din ix-xorta ta’ jasar, daqstant ieħor l-aggressuri għandhom bżonn tal-għajnuna, għax kliem u atteġġjamenti abbużivi jikxfu li għandhom problema serja fil-personalità tagħhom.
“Tifrex aktar vjolenza fis-soċjetà”
L-Isqof Grech spejga li l-fatt li wieħed ma tantx jisma’ b’inċidenti bħal dawn ma jfissirx li m’hemmx min huwa kkalzrat f’daru stess. Sejjaħ lill-vjolenza fid-djar bħala “epidemija siekta li qed tmarrad fiżikament u mentalment lill-vittmi, therri l-għaqda fil-familja u tifrex aktar vjolenza fis-soċjetà.”
Mons. Grech saħaq li l-familja fejn il-preżenza tar-raġel hija kollha dnewwa tiftaqar fir-relazzjonijiet ta’ bejn il-membri. Għalhekk it-tifsira taż-żwieġ tiġi fix-xejn.
“Jitqarraq dak il-ġenitur li jaħseb li l-ulied ma jintebħux li fil-familja hemm il-vjolenza”
Fl-ittra li kiteb, Mons. Grech jgħid li “issir ħsara enormi lill-ulied meta jaraw jew jisimgħu din l-imġiba vjolenti bejn il-ġenituri. Anki jekk ma jkunux imsawta direttament, meta jkunu xhieda ta’ dan it-trattament xejn uman bejn il-ġenituri tagħhom, l-ulied ikunu qed jiġu msawta indirettament. Jitqarraq dak il-ġenitur li jaħseb li l-ulied ma jintebħux li fil-familja hemm il-vjolenza. Inħoss għal dawk it-tfal li fis-satra ta’ kamarthom jibku waħidhom għax jisimgħu bil-vjolenza bejn il-ġenituri tagħhom.”
Fil-fehma tal-Isqof il-kultura Maltija għadha tostor dan l-abbuż. Ellabora li “mhux minnu  li meta mara tiddenunzja lil żewġha, hi tkun qed tittradixxi l-imħabba jew tkun qed tikser xi wegħda taż-żwieġ. Lanqas huwa korrett min jirraġuna li l-mara għandha tissaporti l-abbuż fid-dar biex ma tkunx kawża ta’ tifrik tal-familja. Anzi, il-vjolenza domestika tista’ tkun raġuni biex żwieġ ikun iddikjarat null kemm fil-Qrati Ċivili u kemm fit-Tribunali tal-Knisja.”
“M’hemm xejn li jiġġustifika l-vjolenza domestika”
L-Isqof Grech appella lill-vittmi tal-vjolenza domestika, partikularment lin-nisa maħqura f’darhom stess, biex iqumu fuq saqajhom u jsibu l-kuraġġ u joħorġu minn taħt l-għarqub ta’ min qed jirfes id-dinjità u d-drittijiet tagħhom. L-Isqof saħaq li  m’hemm xejn li jiġġustifika l-vjolenza domestika.
Mons. Grech appella wkoll “lis-saċerdoti, lil-lajċi impenjati fil-pastorali u lill-edukaturi biex jgħinu ħalli tkompli tinħoloq kuxjenza kontra din ix-xorta ta’ moħqrija fil-familji tagħna, billi jitkellmu mal-kategoriji kollha dwar dan is-suġġett fl-omeliji u fil-laqgħat ta’ formazzjoni.
Aktar ma jkun hemm għarfien dwar din il-pjaga familjari u soċjali, aktar hemm probabbiltà li jitkisser iċ-ċiklu tal-vjolenza li jgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra. Inħeġġiġhom ukoll biex meta jiltaqgħu kemm ma’ dawn il-vittmi u kemm mal-aggressuri, jisimgħuhom b’ħafna sabar u mħabba, u jirreferuhom lil persuni mħarrġa fil-counselling u l-psikoterapija biex ikunu jistgħu jgħinuhom fil-proċess tal-fejqan.”