L-esperjenza ta’ familja li qed tħabbat wiċċha mad-dimensja; Illejla f’Raħal Ġdid u f’Lulju f’Għawdex

Ritratt: Omar Camilleri (DOI)
L-esperjenza ta’ familja li qed tħabbat wiċċha mad-dimensja qed titwassal fil-produzzjoni Frammenti, teatru tat-triq li jesplora din is-sitwazzjoni. Hija taħlita ta’ biża’, frustrazzjoni, anzjetà, disperazzjoni, inċertezza u mħabba, hekk kif bħal ħalliel f’satra ta’ lejl, id-dimensja tidħol tisraq u tiskarna dak li jagħmlek int. Tħalli biss il-baħħ, u ħoss mewġ il-baħar.

Ftit tal-ġranet ilu saret l-ewwel rappreżentazzjoni fil-Mosta, u llejla, il-Ħamis 6 ta’ Ġunju fil-Pjazza ta’ Raħal Ġdid se tkun qed issir it-tieni waħda.

It-tielet rappreżentazzjoni se ssir nhar it-13 ta’ Lulju fi Pjazza t-Tokk fir-Rabat Għawdex. Dawn ir-rappreżentazzjonijiet jibdew fit-8.30pm. Wara ssir diskussjoni bil-parteċipazzjoni ta’ esperti fil-qasam.

L-atturi li qed jagħtu sehemhom f’din il-produzzjoni huma Rita Camilleri, Joe Pace, Aaron Fenech, John Vassallo u Diandra Borg. Il-kitba hija ta’ Charles Scerri, b’direzzjoni u produzzjoni ta’ Joseph Galea.

Din l-inizjattiva qegħda tittella’ mis-Segretarjat Paramentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, bħala parti mill-impenn tal-Gvern biex tkompli titqajjem aktar kuxjenza dwar l-esperjenzi ta’ persuni u familji li jaffaċjaw din ir-realtà.