L-eroj Ġermaniżi tal-Covid-19 l-ewwel vjaġġaturi fil-gżejjer Griegi

REUTERS/Alkis Konstantinidis

Read in English.

Ħaddiema Ġermaniżi li kienu fuq quddiemnett tal-ġlieda kontra l-coronavirus waslu fuq il-gżira Griega ta’ Kos ilbieraħ fl-ewwel titjira minn barra l-pajjiż li niżlet fl-ajruport reġjonali tal-Greċja sa minn mindu bdiet il-pandemija.

Madwar 180 persuna, fosthom persunal mediku, uffiċjali tal-pulizija u ħaddiema tas-supermarkits, taru minn Hanover u se jqattgħu ħamest ijiem fil-gżira li tinsab fil-baħar Eġew, il-post fejn twieled Ippokrate, tabib tal-Greċja antika, meqjus bħala Missier tal-Mediċina.

Il-vjaġġ, organizzat minn TUI, ngħata b’xejn lill-ħaddiema fil-Ġermanja bħala ringrazzjament għall-kontribuzzjonix tagħhom waqt il-pandemija. Il-ħaddiema ntagħżlu mill-gazzetta Ġermaniża Bild wara proċess ta’ nominazzjoni mill-pubbliku.

Il-passiġġieri, li libsu maskri hekk kif niżlu mit-taraġ tal-ajruplan qalu li kienu kuntenti li setgħu jivvjaġġaw lejn il-Greċja. Huma ġew ittestjati bi prekawzjoni għall-Covid-19.

“Il-virus għadu hemm…Irridu noqgħodu attenti u nsegwu r-regoli u hekk jirnexxilna flimkien”, sostna Stephen, wieħed mill-passiġġieri, li jaħdem bħala uffiċjal fil-Kanċellerija Ġermaniża.

L-ajruplani reġjonali se jibdew joperaw uffiċjalment minn għada.

Il-Ministru tat-Turiżmu Harry Theocharis esprima t-tama tiegħu li dawn il-ħaddiema jgawdu vaganza “li jixirqilhom għall-kisbiet tagħhom.”

Il-Greċja, li ħareġ minn kriżi ta’ dejn li damet sejra kważi għaxar snin fl-2018, għandha dipendenza qawwija fuq it-turiżmu għall-irkupru ekonomiku tagħha. S’issa, il-pajjiż irnexxilu jikkontrolla l-imxija tal-virus hekk kif ġew irrappurtati biss 3,376 każ, ferm inqas minn bosta pajjiżi oħra fl-Ewropa. Dan kien primarjament grazzi għal-lockdown minn kmieni.

TUI qalet li fl-ewwel ġimgħa ta’ Lulju qed tippjana 56 titjira lejn destinazzjonijiet Griegi, inkluż lejn Kreta u Rodi.