L-Erbgħat tal-Madonna mxandra live minn Għawdex

Hekk kif nhar l-Erbgħa 6 ta’ Mejju jibdew l-Erbgħat bi tħejjija għall-Festa tal-Assunta, id-Djoċesi ta’ Għawdex se tkun qed ixxandar iċ-ċelebrazzjonijiet kollha fuq il-midja soċjali tagħha (Facebook u YouTube) u fuq tas-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu. Dan sabiex jiġi evitat li fis-Santwarju jinġabru gruppi kbar ta’ nies, minħabba l-pandemija tal-coronavirus.

B’hekk, ix-xbieha tal-Madonna Ta’ Pinu matul il-jum se tkun esposta fuq barra, quddiem il-bieb il-kbir. Is-Santwarju jiftaħ għat-talb personali bejn id-9.30am u l-11am u bejn l-4.30pm u l-5.30pm.

Il-ħsibijiet ta’ din is-sena se jkunu marbutin mat-tifsira tal-Ave Maria.

Ix-xandiriet fl-Erbgħat tal-Madonna se jkunu hekk:

  • 8.30am:  Quddiesa bil-ħsieb tal-ġurnata u Adorazzjoni fis-skiet sal-10.30am
  • 6.00pm:  Rużarju rrekordjat mill-familji tat-tfal tal-iskejjel u l-għaqdiet
  • 6.30pm: Quddiesa bil-ħsieb tal-ġurnata, Adorazzjoni fis-skiet
  • 7.30pm: Talb ta’ Filgħaxija u Barka Sagramentali

Fit-8.30pm u fl-10.pm fuq iz-zuntier jixxandar rużarju rrekordjat għal min irid isegwih minn ġol-karozza tiegħu.

Fil-ftuħ tal-Erbgħat, fis-6 ta’ Mejju, fil-5.30pm, se tixxandar ukoll Ċelebrazzjoni Marjana mħejjija mill-Iskola Primarja tal-Konservatorju tal-Isqof.

Id-Djoċesi ta’ Għawdex appellat biex kulħadd jobdi r-regolamenti u jżomm id-distanza meħtieġa u biex ħadd ma jinġabar fi gruppi ta’ aktar minn tliet persuni.

Xandiriet tal-Erbgħat ta’ Santa Marija mill-Katidral ta’ Għawdex

Il-Katidral ta’ Għawdex se jibda jxandar il-Quddies u r-Rużarju fuq l-istazzjon televiżiv F Living. Dan se jibda jsir minn nhar l-Erbgħa 6 ta’ Mejju hekk kif dakinhar il-Parroċċa tal-Katidral tagħti bidu għall-15-il Erbgħa ta’ San Marija bi tħejjija għall-Għid tal-Assunta li jiġi ċċelebrat fil-15 ta’ Awwissu.

L-Għawdxin sa mill-qedem kienu jitilghu fil-Katidral fiċ-Ċittadella biex b’devozzjoni sinċiera lejn Santa Marija iqimu u jitolbu l-ħarsien tal-Omm tas-sema. Maż-żmien, din id-devozzjoni bdiet issir ukoll lejn is-Santwarju Ta’ Pinu.

Għaldaqstant din is-sena minħabba ċ-ċirkostanzi tal-pandemija tal-coronavirus se jsiru x-xandiriet televiżivi fuq F Living. Fis-7pm il-Katidral se jxardar il-Quddiesa u t-talba tar-Rużarju kull nhar ta’ Erbgħa, liema trasmissjoni tista’ tkun segwita wkoll fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Paroċċa kif ukoll fuq ir-radju parrokkjali Radju Katidral 90.90FM.

L-Arċipriet tal-Katidral Fr Joseph Sultana qal li dan qed isir ukoll b’talba ħerqana lil Santa Marija biex tinterċedi għall-gżejjer kif għamlet fl-istorja ta’ ġensna hekk kif hemm rabtiet u benefiċċji kbar għal Malta u Ghawdex mal-jum tal-15 ta’ Awwissu.

Rappurtaġġ addizzjonali minn Beppe Galea

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn