L-ERA topponi żvilupp ta’ villa fiż-Żebbuġ Għawdex

L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) isottomettiet appell wara deċiżjoni li ttieħdet mill-Awtorità tal-Ippjanar, li biha ġie approvat żvilupp ta’ villa qrib Sqaq Anton Mallia fiż-Żebbuġ, Għawdex. Skont l-ERA dan l-iżvilupp se jeradika il-cliff edge, jifformalizza sit li bħalissa hu pristin u joħloq belveder privat.

Fi stqarrija ERA qalet li l-iżvilupp propost hu sensittiv u jmur kontra l-objettivi tal-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Iżvilupp. L-ERA sostniet li dan l-iżvilupp se joħloq impatt viżiv kbir. L-istess argument ġie imqajjem mis-Sovratendenza tal-Patrimonju Kulturali.

L-ERA qed topponi quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għall-fatt li l-Kummissjoni tal-Ippjanar injorat dak li ġie mressaq quddiemha mill-Case Officer tal-Awtorità tal-Ippjanar, mill-konsulnti esterni u mill-objectors. L-ERA sostniet li l-Kummissjoni injorat il-fatt li tliet kwarti tas-sit jinsab barra miż-żona tal-iżvilupp u qalet li temmen li l-istess Kummissjoni kienet selettiva u kkunsidrat biss il-parti tal-iżvilupp li tinsab fiż-żona ta’ żvilupp. Skont l-ERA, il-proposta għall-iżvilupp kellha tiġi evalwata bil-policies kollha applikabbli, inklu dawk li jirrigwardaw l-ODZ.