L-ERA tirrevedi r-rapport dwar l-Implimentazzjoni Ambjentali f’Malta

L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) irrevediet il-konklużjonijiet li ntlaħqu mir-rapport ta’ Reviżjoni tal-Implimentazzjoni Ambjentali dwar Malta, li sar mill-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea.

Ġie innutat li għalkemm għad hemm il-bżonn li jitnaqqas l-iskart, il-Kummissjoni irrikonoxxiet il-fatt li Malta hija minn ta’ quddiem li naqset il-konsum tal-enerġija primarja. Il-Kummissjoni irrikonoxxiet ukoll il-pjan tal-immaniġjar tal-iskart li kien pjanat biex bejn l-2014 u l-2020 l-iskart jitnaqqas b’mod konsiderevoli.

Rigward il-ħarsien, il-konservazzjoni u t-titjib tal-ambjent naturali Malti, l-Kummissjoni qalet li l-34 sit terrestri lokali ta’ Natura 2000, ikopru flimkien madwar 13% tal-art totali tal-Gżejjer Maltin.

Min-naħa tagħha l-ERA qalet fi stqarrija li t-tim tal-ilma qed jara kif jista’ jimplimenta l-hekk imsejħa Water Acquis, li hija primarjament konġunta mal-kisba tal-obbligi ta’ rappurtar li joħorġu mill-Unjoni Ewropea bħala Direttiva Qafas dwar l-Ilma u Direttiva Qafas dwar l-Istrateġija Marittima tal-Unjoni Ewropea. Skont l-istqarrija, l-ERA qed tkompli timplimenta Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd biex jitjieb l-għarfien dwar il-pressjoni li qed tinħoloq fuq l-ambjent marittimu.