Ritratti: L-ERA tipproteġi speċi endemika ġdida f’Għawdex

Read in English.

Il-Ministeru għall-Ambjent għamel regolamenti ġodda flimkien mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), li fosthom jipproteġu speċi ġdida ta’ orkida endemika li tinsab Għawdex biss.

Dawn ir-regolamenti, sostniet l-ERA, jgħinuha tkun f’pożizzjoni li tipproteġi speċi ġodda ta’ flora u fawna u żoni speċifiċi tal-ambjent Malti. L-istqarrija spjegat li permezz ta’ dan it-tibdil, speċi ta’ orkidi, friefet, qroll, klieb il-baħar u speċi oħra qed jiżdiedu mal-lista ta’ pjanti jew annimali protetti.

Din il-liġi tagħti wkoll aktar protezzjoni lil siti speċifiċi. Dwar siti protetti, ġew introdotti wkoll penali addizzjonali għal reati mwettqa f’dan ir-rigward.

Barra minn hekk, il-liġi l-ġdida tagħti d-dritt lill-ERA biex toħroġ avviż ta’ protezzjoni għal speċi li għandhom stat ta’ konservazzjoni mhux favorevoli jew li l-istat ta’ konservazzjoni qed jeħżien. Barra minn hekk, hemm miżuri biex l-ERA tkun tista’ tneħħi u tikkontrolla speċi aljeni invażivi.