L-ERA tiċħad li se jinqabeż iż-żmien stipulat għar-rilokazzjoni tal-fish farms

L-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ċaħdet rapport tat-Times of Malta dwar iż-żmien stabbilit biex sidien tal-fish farms joħorġu l-gaġeġ tagħhom aktar ‘il barra.
Ir-rapport li deher fil-ġurnal tal-bieraħ jgħid li l-ERA mhux se jirnexxiela tirreloka l-gaġeġ tat-tonn sal-31 ta’ Mejju.
Il-ġurnal qal li żona ta’ akkwakultura fin-nofsinhar diġà laħqet il-kapaċita massima tagħha skont il-permess mogħti.
Ir-rapport iżid li skont il-Kap Eżekkutiv tal-Awtorità, Reuben Abela, l-applikazzjoni għal żona ta’ akkwakultura ġdida fit-tramuntana tal-pajjiż mhux se tkun ipproċċesata sal-31 ta’ Mejju.
Intant fi stqarrija, l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi qalet li l-Kap Eżekuttiv tagħha fl-ebda mod ma ssuġġerixxa li mhux se tirreloka l-gaġeġ kollha sal-aħħar ta’ Mejju.
L-ERA spjegat li hemm żewġ proċessi separati li għaddejin bħalissa b’rabta ma’ żona ta’ akkwakultura fil-grigal tal-ibħra Maltin.
L-ewwel waħda minn dawn hija li jkun hemm żona ta’ akkwakultura formali li dwarha għaddejja konsultazzjoni pubblika.
It-tieni proċess huwa dwar applikazzjoni għar-rilokazzjoni tal-fish farms li kienet sottomessa minn kumpanija quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar u li dwarha l-ERA kienet mitluba tagħti l-opinjoni tagħha. L-ERA se tkun qed tagħti r-rakkomandazzjonijiet tagħha din il-ġimgħa.
L-istqarrija tisħaq li l-ERA, flimkien mal-Awtorità tal-Ippjanar u d-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura, se tassigura li l-operaturi tal-fish farms iżommu mal-ftehim milħuq is-sajf li għadda.
Is-sena li għaddiet Newsbook.com.mt kien fuq ta’ quddiem bir-rapporti tiegħu fuq ħmieġ mill-fish farms li beda dieħel fil-bajjiet fl-aktar żmien popolari mal-għawm
Minn analiżi li għamel Newsbook.com.mt kien irriżulta li tlieta mis-sitt operaturi tal-fish farms qed jokkupaw aktar mid-doppju taż-żona li għandhom permess għaliha.