L-ERA tiċċelebra l-quċċija bl-għoti tad-demm u tħawwil ta’ siġar

L-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) għamlet il-quċċija tagħha billi ħawlet s-siġar u tat donazzjoni ta’ demm.
Hekk kif illum l-ERA qed tiċċelebra l-ewwel anniversarju mit-twaqqif tagħha, l-ERA se tħawwel 180 siġra matul din is-sena li jirrappreżentaw lil 180 ħaddiem.
Illum ħawlet uħud minnhom fil-Park ta’ Xrobb l-Għaġin, f’Delimara, Marsaxlokk.
Biex tiċċelebra dan l-anniversarju, il-ħaddiema taw għotja ta’ demm u ġabru l-iskart mill-Park tal-Majjistral li jifforma parti miż-żona ta’ Natura 2000.
Fi stqarrija l-ERA spjegat li f’medda ta’ 12-il xahar l-Awtorità waqqfet 30 pjan ta’ immaniġġjar u ordnijiet ta’ konservazzjoni għal siti terrestri Natura 2000, ipparteċipat fi proġetti ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea fuq temi varji bħan-natura, skart u l-baħar u ħarset siti għal għanijiet partikolari fosthom il-bejta tal-fekruna u t-Tieqa tad-Dwejra.
F’dawn ix-xhur, l-ERA qalet li żviluppat ukoll liġijiet u regoli ambjentali, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll dak internazzjonali, biex ikun jista’ jitħares aħjar l-ambjent naturali tal-Gżejjer Maltin.
Ritratt: DOI: Clodagh Farrugia O'Neill