L-ERA tagħti l-permess biex isir rimedju ta’ parti minn Wied Qirda

Read in English.

L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi ħarġet permess biex isir rimedju ta’ parti minn Wied Qirda wara li parti mill-wied kienet twessgħet.

Dan ħareġ fi stqarrija tal-ERA fejn tat lista ta’ disa’ applikazzjonijiet għal permessi ambjentali li aċċettata. Ix-xogħol li ħareġ il-permess għalih f’Wied Qirda se jara wkoll li jitneħħa l-iskart ta’ kostruzzjoni mill-wied li spiċċa hemm wara x-xogħol li kien sar b’mod illegali. Ix-xogħol li se jkun qed isir issa huwa intenzjonat biex jirrestawra parti mill-wied.

Dan il-permess ħareġ wara li tliet għaqdiet mhux governattivi, kunsillier u kandidat indipendenti ngħaqdu sabiex iressqu azzjoni legali sabiex jitolbu lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) tirrispetta l-liġi u ssewwi l-ħsara ambjentali li saret f’Wied Qirda f’Ħaż-Żebbuġ billi tistabbilixxi min hu responsabbli biex jawtorizza l-azzjonijiet “barbariċi” fil-wied. Intant, fi stqarrija b’reazzjoni li ħarġet l-ERA, qalet li hija qiegħda toqgħod għassa għax-xogħlijiet u qed tikkollabora ma’ Infrastructure Malta.

Fl-aħħar xhur saru numru ta’ xogħlijiet f’Wied Qirda, li huwa wied protett, wara li l-ERA kienet ħarġet ordni biex jitwaqqfu x-xogħlijiet. Il-mogħdija rurali kienet ġiet mgħottija kompletament bl-asfalt u mwessgħa ħafna iktar minn qabel, it-topografija ta’ qiegħ il-wied ġiet immodifikata, u kienet qed tinbena struttura pjuttost kbira fuq qiegħ il-wied u l-karatteristiċi fiżiċi stess tal-wied inbidlu.

B’reazzjoni għal din l-azzjoni legali, l-ERA u Infrastructure Malta kienu ħarġu stqarrija konġunta li fiha qalu li l-ERA qiegħda kontinwament issegwi mill-qrib ix-xogħlijiet ta’ tiswijiet li qed tagħmel Infrastructure Malta, u l-Infrastructure Malta kkonfermat li qed tikkollabora mal-Awtorità f’kull stadju tal-infrastruttura. L-ERA kienet stqarret li ladarba jitlestew it-tiswijiet tat-triq, se tikkontribwixxi fir-riġenerazzjoni ta’ dan il-wied billi jsiru l-interventi kollha mitluba mill-istess Awtorità. 

Intant il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika kkonferma li saru xogħlijiet bla permess f’Wied Qirda, Ħaż-Żebbuġ. Il-Kummissarju qal dan f’rapport dwar investigazzjoni li skattat mill-eks Chairperson tal-Alternattiva Demokratika Arnold Cassola.

X’inhuma l-permessi l-oħrajn maħruġa?

  • Żewġ permessi relatati ma’ barrieri. Wieħed mill-permessi għandu x’jaqsam ma’ xogħol ta’ skavar ta’ ġebel minn barriera liċenzjata għal dan fl-Imqabba. Se jkun hemm ukoll tifrik ta’ ġebel li jrid jiġi rriċiklat u li bih se jimtela’ l-vojt li se jħalli l-iskavar. Il-permess l-ieħor se jara r-restawr ta’ barrier f’Ħal Kirkop.
  • Applikazzjoni oħra li ntlaqgħet mill-ERA tikkonċerna t-tiġdid u l-varjazzjoni ta’ talba dwar scrapyard li diġà jeżisti fil-Marsa. Dan se jintuża biex jinżammu fih batteriji ħżiena u tinżamm ħażna ta’ metall riċiklat għall-esportazzjoni.
  • Talba għal varjazzjoni ta’ permess ambjentali biex ikun hemm estenzjoni għall-permess tal-iscrapyard ta’ Ħal Għaxaq. Intalbet ukoll l-inklużjoni ta’ parti oħra tal-faċilità biex tkun koperta mill-istess permess.
  • Tiġdid ta’ permess ta’ lukanda biex topera fil-Mellieħa. Il-permess jitlob li jkunu onorati diversi obbligazzjonijiet, inkluż il-kontroll u l-moniteraġġ tad-drenaġġ li jintrema fil-baħar u l-emmissjonijiet. Dan hekk kif il-lukanda tinsab f’żona protetta speċjali li taqa’ taħt “il-Baħar ta’ Madwar Għawdex”.
  • Estenzjoni tal-permess għall-faċilità tat-tqassim tal-iskart f’Ħal Luqa. Dan se jippermetti li l-faċilità tibqa’ tilqa’, taħżen u tipproċessa diversi oġġetti użati inkluż apparat elettroniku u skart varjat ieħor.
  • Applikazzjoni għal permess ambjentali għal service station f’Ħal Lija li għamel ristrutturar biex jintroduċi sistemi ta’ Vapour Recovery.
  • Permess ambjentali ġdid biex pjanta tal-manifattura fiż-żona industrijali ta’ Bulebel. Il-permess ikopri xogħol relatat mal-manifattura ta’ prodotti tal-plastik u obligazzjonijiet relatati mal-attivitajiet assoċjati ta’ mmaniġġjar tal-iskart.