L-ERA tagħti d-demm u l-organi

Ħaddiema mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) taw donazzjoni ta’ demm u organi, hekk kif 30 ħaddiem inkitbu sabiex l-organi tagħhom jingħataw b’donazzjoni wara mewthom. Waqt din l-attività li ġiet organizzata mill-ERA, 19-il persuna oħra taw id-demm.

L-ERA fi stqarrija spjegat li stiednet lil ħaddiema minn tliet kumpaniji oħra jżuru l-binja tagħha, fejn kien hemm is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm kif ukoll rapprenżentati mir-Reġistru Nazzjonali tad-Donazzjoni tal- Organi u Tessuti Umani.

Il-Kap Eżekuttiv tal-ERA, Louise Spiteri, sostniet li donazzjonijiet hekk juru kemm l-impjegati tal-ERA iħossuhom responsabbli lejn il-ġenerazzjonijiet attwali u dawk tal-ġejjieni. Hi tenniet li  l-amministrazzjoni tal-Awtorità qed tikkonsidra li ssir inizjattiva annwali bl-istess għan.