L-ERA se toħroġ miżuri regolatorji għas-settur tal-barrieri

L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) qalet li fil-jiem li ġejjin se toħroġ miżuri regolatorji għas-settur tal-barrieri peress li dan is-settur ilu żmien mhux regolat.

Fi stqarrija l-ERA qalet li bħalissa hawn 31 barriera li jistgħu jaċċettaw skart mormi fihom, li sitta minnhom huwa permess biss li jirriċiklaw l-iskart tal-kostruzzjoni. Ħabbret li qiegħda tipproċessa applikazzjonijiet għal siti ġodda.

Rapport tat-Times of Malta llum żvela li Infrastructure Malta ordnat biex ix-xogħlijiet fit-toroq jieqfu peress li s-siti fejn jista’ jintrema l-iskart tal-kostruzzjoni huma kollha mimlijin.

F’Novembru tal-2019, l-ERA rat liema barrieri qegħdin jintużaw f’Malta u Għawdex u sabet li hemm għadd minnhom li mhux isir użu minnhom u jistgħu jiġu tranġati biex jintużaw. Qalet li tagħti preċedenza lill-mili ta’ barrieri mhux użati, filwaqt li materjal li jittella’ mill-baħar jitħalla jintrema fil-baħar f’sit apposta ħdejn il-Port tal-Belt Valletta.

L-ERA żiedet tgħid li tistenna li l-applikanti u l-kuntratturi kollha jsibu faċilitajiet ta’ rimi ta’ skart addattati qabel ma jibdew ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni.

Din il-ġimgħa Newsbook.com.mt irrapporta esklussivament ir-rimi ta’ skart f’għalqa fl-Imtaħleb. Ir-rimi illegali sar fit-13 ta’ April, 2020 minn trakk kbir tal-kuntratturi Bonnici Brothers bin-numru BBG003. Flimkien mat-trakk kien hemm gaffa li llivvellat il-materjal mormi.

Il-Pulizija mbagħad ħabbret li se tieħu l-passi dwar dan il-każ.