L-ERA ordnata tinvestiga r-raġuni tal-ħut mejjet f’Birżebbuġa

Il-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera qal li ta struzzjonijiet lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi biex tinvestiga s-sors tal-ħut mejjet f’Birżebbuġa.

Huwa kien qed iwieġeb Mistoqsija Parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Hermann Schiavone, li staqsa x’inhi r-raġuni li max-Xatt ta’ Birżebbuġa qed jintlemaħ ammont sostenzjali ta’ mulett mejjet f’wiċċ il-baħar.

Aktar kmieni din is-sena l-Professur Alan Deidun f’post fuq Facebook kien tella’ ritratt ta’ numru ta’ mulett mejjet f’Birżebbuġa. Huwa qal li din il-problema ilha għaddejja madwar ħames snin. Qal li l-persuni li jnaddfu l-bajjiet jintalbu jneħħu dan il-ħut immedjatament kmieni filgħodu. Sostna li hemm bosta teoriji dwar għaliex din it-tip ta’ ħuta qed tinstab mejta b’mod daqshekk frekwenti, madanakollu xejn minnhom ma hu konkret

Prof. Deidun kien qal li hu kien se jressaq din il-problema quddiem l-ERA u li jittama li jkollu tweġiba.

Il-mulett huwa tip ta’ ħuta griża tawwalija u rqiqa.