L-ERA mitluba tfassal pjan dwar il-plastik li jintuża darba biss

L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ntalbet biex tfassal strateġija u qafas leġiżlattiv biex jiġi indirizzat l-użu tal-plastik li jintuża darba biss, bħal straws, tazez u platti tal-plastik.
Wara l-iskema li tħabbret fl-aħħar jiem dwar il-plastik riċiklabbli, l-Iskema ta’ Rifużjoni dwar il-Kontenituri tal-Plastik, il-Ministru għall-Ambjent, Jose Herrera, qal li talab lill-ERA biex tħejji dan il-qafas għall-konsultazzjoni pubblika.
“L-Att dwar l-Ekonomija Ċirkulari li se jiġi varat dalwaqt jaħseb għas-separazzjoni tal-iskart bil-liġi fuq il-post fejn jiġi ġenerat – responsabbiltà akbar biex il-miri tar-riċiklaġġ jiġu milħuqa mill-kunsilli lokali, mill-kumpaniji u miċ-ċittadini, kif ukoll qafas biex aktar inizjattivi u regolamenti ġodda jiġu xprunati biex tiġi megħluba l-isfida tal-iskart”, qal il-Ministru.
Qal li l-Gvern jibqa’ kommess li jipproteġi l-ambjent mit-tniġġis tal-plastik waqt li nsaħħu t-tkabbir u l-innovazzjoni biex inbidlu din l-isfida f’aġenda pożittiva għall-pajjiż.
Il-plastik li jintuża darba biss hu dak il-plastik li għalkemm tużah darba biss, xorta jieħu mal-500 sena biex jinqered jew jiġi ddiżintegrat.
Il-Ministru temm jgħid li li l-ambjent għandu bżonn deċiżjonijiet tanġibbli u konkreti u mhux diskorsi sproporzjonati mibnija fuq miżinformazzjoni.
Hawnhekk semma meta l-Partit Nazzjonalista kien qal li l-impjant tal-waste-to-energy se jkun mibni biex jaħraq il-plastik.