L-ERA b’websajt ġdida bil-permessi għal xogħol fuq siġar

L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi l-ERA ħabbret li dalwaqt se tniedi sit elettroniku li fuqu jiġu ippubblikati l-permessi kollha li jinħarġu għal xogħlijiet fuq siġar.

Kelliema għall-ERA qalet dan ma’ Newsbook.com.mt waqt li kkonfermat li ma kienx hemm bżonn permess sabiex titneħħa siġra tal-ħarruba minn residenza privata f’Birkirkara wara li kienet inqalgħet kontroversja fuq il-midja soċjali. Il-każ kien dwar filmat ta’ xi ħaddiema li dehru qed jaqilgħu siġra minn postha u fil-proċess kważi waqqgħu ħajt fil-viċin f’sit f’Birkirkara.

Fit-tweġiba tagħha, l-ERA qablet mal-pożizzjoni li kienet ħadet l-Awtorità tal-Ippjanar dwar dan l-istess każ.

Il-kelliema għall-ERA ippreċiżat li f’dan il-każ partikolari ma kienx hemm bżonn permess għax din is-siġra tal-ħarrub ma kinitx tinsab barra minn żona ta’ żvilupp, f’żona protetta, pubblika jew miftuħa,  f’xi enklavi naturali  jew  f’żona urbana.

“F’każijiet ta’ żvilupp, permess fuq is-siġar huwa meħtieġ”

Minkejja dan, żiedet tgħid li f’każ ta’ interventi fuq siġar bħala parti minn applikazzjoni għall-iżvilupp, l-ERA tiġi ikkonsultata u tagħti l-kummenti tagħha jew toġġezzjona. Qalet li f’dawn il-każijiet biss il-permess huwa meħtieġ.

L-ERA irreferiet għall-Avviż Legali 258 ta’ l-2018, fejn qalet li f’każijiet ta’ żvilupp, persuna li trid tagħmel xogħol fuq siġar għandha tapplika u titlob permess għal dan ix-xogħol qabel ma jsir.

“L-ERA tagħmel spezzjonijiet għal għarrieda”

Għal aktar mistoqsijiet minn Newsbook.com.mt dwar jekk l-ERA twettaqx spezzjonijiet, il-kelliema wieġbet li dawn isiru kemm għal għarrieda kif ukoll b’mod ippjanat. Spjegat li dawn isiru l-aktar biex jiġi assigurat li l-kundizzjonijiet tal-permess tal-ERA qed jiġu rispettati, jew biex tinvestiga każijiet li jiġu rrappurtati lill-istess Awtorità.