Read in English.
L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ħarġet permess lill-Infrastructur Malta biex tqaċċat żewġ siġriet tal-ħarrub kbar f’Ħad-Dingli. Dawn is-siġar għandhom bejn it-300 u l-400 sena.
Kien spjegat li r-raġuni wara dan il-permess huwa sabiex Infrastructure Malta tkun tista’ tgħaddi triq li ddeskrivew bħala “inutli” u li “se teqred raba maħdum, siġar protetti u kappella medjevali.”
Diversi residenti, bdiewa u attivisti qed jopponu dan l-iżvilupp. Huma waqqfu x-xogħlijiet milli jibdew meta Infrastructure Malta feġġet biex tibda x-xogħlijiet fuq it-triq ftit jiem ilu. Intant saru wkoll talbiet lill-Ministru għall-Ambjent, lill-Ministru għall-Infrastruttura u l-Ministru għall-Kultura sabiex jinbidlu dawn il-pjanijiet u biex joħroġ Emergency Conservation Order fuq il-post li Moviment Graffitti sosta huwa “post ta’ valur naturali, storiku u agrikolu.” Qal li dawn it-talbiet għadhom ma ġewx imwieġba.
Skont il-permess maħruġ, Infrastructure Malta għandha ċans li taqla’ dawn is-siġar fi żmien sena.
Min-naħa tiegħu, il-kandidat indipendenti Prof. Arnold Cassola qal li minflok ma qed taqdi d-dmirjiet tagħha li tipproteġi l-ambjent, l-ERA saret kompliċi ma’ Infrastructure Malta fil-qerda tal-ambjent fil-pajjiż.
Fl-aħħar jiem, residenti f’Ħad-Dingli, bdiewa u Moviment Graffitti appellaw biex il-gvern iwaqqaf il-kostruzzjoni ta’ triq u biex jippreserva l-wirt kulturali, ambjentali u agrikolu fil-lokalità.
Aktar kmieni dan ix-xahar, Infrastructure Malta tfaċċat fit-triq lesta biex tibda x-xogħol f’Tas-Sienja, għall-bini ta’ triq li d-dettalji tagħha ma kienux disponibbli u lanqas ma kienu koperti minn permess. L-awtoritajiet ikkonfermaw li notifika tal-iżvilupp hija suffiċjenti f’każi fejn triq kienet ġiet ippjanata.
Wara azzjoni diretta mill-attivisti ta’ Moviment Graffitti, bdiewa u residenti, Infrastructure Malta kienet sfurzata tneħħi l-makkinarju minn Tas-Sienja.