L-eqdem dar f’San Ġiljan fil-periklu li titwaqqa’

Attivisti jipprotestaw kontra proġett massiv f’żona ta’ konservazzjoni urbana

Read in English.

Attivisti flimkien mas-Sindku ta’ San Ġiljan ipprotestaw kontra l-proġett massiv li hemm propost għal żona li tinsab bejn Triq Sant Elija u Triq it-Telgħa ta’ Birkirkara f’San Ġiljan. F’konferenza tal-aħbarijiet huma qalu li l-eqdem dar f’San Ġiljan li tinsab f’waħda minn dawn it-toroq, tista’ titwaqqa’ minħabba li t-Telgħa ta’ Birkirkara tista’ tinfetaħ għall-karozzi.

Il-progett jinkludi 57 appartament, għadd ta’ ħwienet u uffiċini f’waħda mill-aktar toroq dojoq f’San Ġiljan.

Il-koordinatriċi ta’ Flimkien għal Ambjent Aħjar Astrid Vella spjegat li minħabba li din iż-żona mdaqqsa taqa’ taħt il-politika ta’ pjan lokali ta’ San Ġiljan għandha tiġi ppjanata skont masterplan għaż-żona sħiħa u mhux b’mod arbitrarju b’applikazzjonijiet separati.

Vella appellat li għandu jkun hemm stqarrija dwar l-impatt tat-traffiku. Hija wissiet kif l-applikazzjoni qed tiġi pproċessata mingħajr l-istudji ġeoloġiċi neċessarji fit-tħaffir tal-art. Spjegat li minkejja dan, l-Awtorità tal-Ippjanar uriet li l-applikazzjonijiet tal-barunijiet jiġu aċċettati askapitu tar-residenti. Intqal li l-impatt tal-proġett jaf ikun id-doppju minħabba li teżisti l-possibiltà li jinbena t-tieni torri biswit il-proġett propost.

“San Ġiljan qed jinbidel f’mandraġġ lussuż” – is-Sindku

Is-Sindku ta’ San Ġiljan Albert Buttigieg ikkundanna l-kummerċjalizzazzjoni ta’ San Ġiljan. Qal li l-iżviluppaturi “bnew ħafna mill-ispazju f’San Ġiljan, ħadu l-bankini u l-ispazji tal-parkeġġ u issa ngħataw ukoll il-baħar”. Qal għalhekk li bħalissa San Ġiljan qed jinbidel f’mandraġġ lussiż.

L-Awtorità tal-Ippjanar se tisma’ l-każ nhar l-Erbgħa li ġej fid-9.30am. Is-Sindku tkellem ukoll dwar l-iżvantaġġ li l-anzjani kellhom biex jesprimu rwieħhom kontra l-proġett peress li l-Awtorità tal-Ippjanar kienet qed tagħmel il-laqgħat online biss. Ftit tal-ħin wara l-konferenza tal-aħbarijiet, din id-deċiżjoni ġiet riveduta biex tħalli n-nies jibdew jattendu għal-laqgħat min-nhar l-Erbgħa li ġej.