L-epidemija tal-kolera fiż-Żambja tħalli effett fuq il-liturġija

Hekk kif il-epidemija tal-kolera qed thedded il-ħajja ta’ aktar minn 14-il miljun persuna fiż-Zambia, is-servizzi fil-knejjes twaqqfu.
Il-Konferenza Episkopali tal-pajjiż ħadet numru ta’ miżuri, fosthom li ma jkunx hemm teħid tal-idejn meta tingħata l-paċi, fejn għadu qed isir Quddies.
Aktar kmieni din il-ġimgħa, Ministri tal-Gvern qalu li l-laqgħat kollha, ta’ kull tip, inkluż is-servizzi fil-knejjes huma projbiti fl-inħawi l-aktar milquta minn din il-marda qerrieda. Dan qed isir biex ma tkomplix tinfirex il-marda u biex il-kura li qed tingħata tħalli l-effetti mixtieqa.
Tħabbar ukoll li se jkun hemm restrizzjonijiet fuq iċ-ċaqlieq tan-nies bejn is-6:00pm u s-6:00am fl-inħawi l-aktar milquta mill-Kolera filwaqt li l-ħwienet u l-bars jistgħu jiftħu biss bejn il-11:00 am u s-7:00 pm. Is-swieq u l-postijiet tal-ikel ingħalqu fejn instab il-mikrobu tal-kolera.
L-Arċidjoċesi ta’ Lusaka ħassret il-programmi kollha tagħha sakemm jingħata avviż ieħor.  F’Ittra Pastorali li nqrat fil-knejjes kattoliċi ta’ Lusaka l-Ħadd li għadda tgħid li l-attivitajiet fil-knisja għandhom isiru biss fejn hu verament meħtieġ u li m'għandux ikun hemm teħid tal-idejn waqt laqgħat u funerali.
Sadanittant, il-Gvern bagħat il-forzi tas-sigurta’ fit-toroq biex kemm jista’ jkun tkun ikkontrollata l-epidemija. It-toroq kollha qed jitnaddfu kemm fil-Kapitali kif ukoll fi Bliet kbar oħra. Qed jitwaqqgħu strutturi li kienu jservu bħala swieq b’mod illegali u jqed infetħu d-drenaġġi.
Il-Gvern ħabbar ukoll li se jibda programm ta’ tilqim kontra l-kolera u l-Fond tat-Tfal tan-Nazzjonijiet Uniti diġa’ bagħat 2 miljun vaċċin kontra din il-marda.
Fis-7 ta’ dan ix-xahar il-Ministeru tas-Saħħa kkonferma li diġà kien hemm 57 persuna li mietu bil-kolera filwaqt li 2,400 qed jingħataw kura fl-isptarijiet ta’ Lusaka fejn stadium tal-futbol inbidel temporanjament f’ċentru biex tkun trattata l-marda.  F’dawn l-aħħar 10 snin fiż-Żambja mietu aktar minn 2,000 persuna bil-kolera.