L-Enemalta toffri parti mill-interconnector għall-kiri

Enemalta, issa bħala kumpanija mhux korporazzjoni, ħarġet sejħa għall-interess għat-tħaddim ta’ fibre optic cable li hu parti mill-interconnector bejn Malta u Sqallija.
Il-proposti għandhom jaslulha sa nofsinhar tal-Ġimgħa 27 ta’ Frar.
B’hekk, il-kumpanija tkun tista’ tevalwa l-kapaċità ta’ entitajiet kummerċjali li jidħlu f’kollaborazzjonijiet fit-tul magħha fit-tħaddim ta’ dawn il-cables li jgħaqqdu n-netwerk ta’ distribuzzjoni tal-elettriku għal Malta mal-grid Ewropew.
L-interconnector bejn Malta u Sqallija hu twil 120 kilometru, hu mirdum taħt il-blat jew miksi bi blat qawwi taħt il-baħar, u jista’ jġorr 200MW ta’ enerġija elettrika bejn iż-żewġ gżejjer.
Minbarra li fih cables tar-ram għall-elettriku, għandu wkoll żewġ gruppi ta’ fibre optic, li se jkunu qed iġorru data bejn Malta u Sqallija. L-Enemalta għalhekk se talloka l-ispazju li hi mhix se tkun qed tuża biex jinkrew fuq bażi kummerċjali bi sħubija magħha.
Skont iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Enemalta, l-Inġinier Frederick Azzopardi, din li qed toffri l-kumpanija hi opportunità unika għall-kumpaniji Maltin biex itejbu n-negozju tagħhom waqt li kumpaniji barranin jistgħu jidħlu għal inizjattivi ġodda f’Malta. Għalhekk Enemalta plc qed tħeġġiġhom  biex jipproponu soluzzjonijiet kreattivi u flessibbli li jkunu jagħmlu sens kummerċjalment għalihom u għall-Enemalta.