L-Enemalta titlob lill-Pulizija tinvestiga tranżazzjonijiet marbuta mal-wind farm tal-Montenegro

L-Enemalta qalet li għamlet rapport mal-Pulizija dwar tranżazzjonijiet b’rabta mal-wind farm tal-Montenegro.

F’nofsilejl fuq Facebook l-Enemalta qalet li għalkemm ma taf bl-ebda allegat tranżazzjonijiet bejn Cifidex u 17 Black ikkummissjonat investigazzjoni interna dwar il-każ. Qalet li d-diretturi tagħha huma kommessi li jikkooperaw mal-awtoritajiet investigattivi.

L-Enemalta qalet li f’Marzu 2014 ġiet infurmata mill-Gvern Malti li l-Gvern Malti u Shanghai Electric Power qabblu li jikkollaboraw biex jidentifikaw proġetti ta’ enerġija rinovabbli fl-Ewropa. Fost il-proġetti ġie identifikat il-Mozura Wind Farm f’Montenegro. L-Enemalta qablet li tissieħeb fl-inizzjattiva.

Skont l-Enemalta ġie ffurmat konsorzju bejn Shanghai Electric Power, Enemalta, Vestigo, u Envision Energy. L-Enemalta qablet li takkwista 100% ownership tal-wind farm f’termini ta’ ftehim ma’ Cifidex. Qalet li l-intenzjoni tal-Enemalta kienet li tbigħ l-assi tagħha.

L-Enemalta qalet li ħallset €3.5 miljun f’Diċembru tal-2015 biex tassigura l-akkwist tal-wind farm bi prezz finali ta’ €10.3 miljun. Spjegat li ma kinitx se tħallas l-€10.3 miljun hi imma li dan kien se jitħallas mill-konsorzju ġdid International Renewable Energy Development Limited (70% ta’ Shanghai Electric Power (Malta) u 30% ta’ Enemalta), Vestigo, u Envision.

L-Enemalta qalet li spiċċat tħallas €2.977 miljun. Żiedet tgħid li meta bigħat 90% tax-shareholding tagħha għamlet profit ta’ €811,000. Kompliet tgħid li l-konsorzju ngħata l-opportunità jixtri x-shares fil-wind farm minn Cifidex u mhux minn Fersa. Spjegat li saru għadd ta’ rapporti ta’ due diligence.

Reference is made to the recent reports in relation to the Mozura wind farm project. While Enemalta was completely…

Posted by Enemalta plc on Saturday, June 27, 2020

Investigazzjoni mit-Times of Malta u mir-Reuters sabet li f’Diċembru tal-2015, il-kumpanija 17 Black għamlet profitt mhux iddikjarat ta’ €4.6 miljun meta l-Enemalta xtrat wind farm fil-Montenegro. Dan il-ftehim ġara wara li l-Ministru tal-Enerġija ta’ dak iż-żmien, Konrad Mizzi, vjaġġa kemm-il darba lejn Montenegro għan-negozjati.

Il-ġurnalisti sabu rekords pubbliċi li juru li l-Enemalta ħallset €10.3 miljun biex takkwista s-shares fil-proġett tal-wind farm minn kumpanija jisimha Cifidex fit-28 ta’ Diċembru 2015. Qalu li ġimagħtejn qabel, Cifidex xtrat l-istess shares għal €2.9 miljun minn Fersa Renovables li huwa konsorzju Spanjol.

Il-ġurnalisti sabu li Cifidex akkwistat is-shares grazzi għal pagament ta’ €3 miljun li ġew minn 17 Black f’Novembru 2015. Sa Ġunju 2016 Cifidex bgħatet it-€3 miljuni lura lil 17 Black flimkien ma’ €4.6 miljun fi ‘profitt’.