L-Enemalta titlob lill-Pulizija tinvestiga dwar nuqqas ta’ dokumenti

Il-Korporazzjoni Enemalta talbet lill-Pulizija tinvestiga, filwaqt li għaddejja wkoll investigazzjoni interna, wara li numru ta’ dokumenti huma nieqsa jew mhux f’posthom.

Stqarrija maħruġa mill-Enemalta tgħid li wara li ġie ppublikat ir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar l-akkwist taż-żejt bejn l-2008 u l-2011, il-korporazzjoni bdiet proċess intern biex tassigura li kull nuqqas li ssemma fir-rapport ikunu ttrattati u jkunu implimentati il-miżuri proposti. Dan il-proċess beda wkoll jikkunsidra kwistjonijiet li joħorġu mill-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi.

Intant nhar il-Ħamis li għadda numru ta’ dokumenti personali tal-impjegati, fosthom ta’ dawk li ssemmew fir-rapport tal-Awditur Ġenerali ma nstabux. L-istqarrija tgħid li dokumenti simili, ġeneralment jinżammu f’arkivju, fil-bini tal-Amministrazzjoni fil-Power Station tal-Marsa.

Uffiċjali li ħadmu u li għadhom jaħdmu mal-Korporazzjoni u li jistgħu jkunu responsabbli għal dan il-każ ġew infurmati, imma ħadd minnhom ma jaf fejn jinsabu dawn id-dokumenti.

Filwaqt li xi xi dokumenti minnhom instabu f’arkivju f’bini ieħor tal-korporazzjoni, il-Pulizija għada għaddejja bl-investigazzjoni biex jinstabu dawk nieqsa u minn kien responsabbli.

L-istqarrija tagħlaq billi tisħaq li l-Enemalta se tibqa’ taħdem biex tassigura servizz aħjar lill-konsumaturi tagħha u lill-pubbliku nġenerali.