L-Enemalta tissospendi ħaddiem ieħor b’rabta mas-serq tal-elettriku

Il-Korporazzjoni Enemalta ssospendiet impjegat ieħor hekk kif għadhom għaddejjin l-investigazzjonijiet dwar it-tbagħbis tal-ismart meters.
Dan huwa l-ħdax-il impjiegat li ġie sospiż mill-Enemalta.
Għaxar impjegati oħra ġew sospiżi fil-ġimgħat li għaddew b’rabta mal-istess każ.
Dawn l-aħħar żviluppi seħħew wara aktar stħarriġ intern kif ukoll b’riżultat tal-investigazzjoni ta’ informazzjoni mogħtija minn klijenti li volontarjament irrapurtaw l-irregolaritajiet.
L-Enemalta qed tistħarreġ kull każ fid-dettal biex tiżgura li l-irregolaritajiet jispiċċaw u jitħallsu l-multi relatati.
Il-Korporazzjoni tfakkar li klijenti li għandhom xi irregolarità fil-qari tal-konsum tal-elettriku għandhom sat-Tnejn, 7 ta’ April biex jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom u jevitaw konsegwenzi aktar gravi.
Wara din id-data, l-Enemalta se tuża l-mezzi kollha disponibbli biex tara li dawk li ma jirrapurtawx l-irregolaritajiet tagħhom volontarjament jittieħdu l-passi kollha kontrihom skont il-liġi.