L-Enemalta rċeviet aktar minn 400 rapport b’rabta mas-serq tal-elettriku

Waqt il-programm TVAM fuq l-istazzjon nazzjonali, l-Kap Eżekuttiv tal-Enemalta l-Inġinier Federick Azzopardi sostna li waslu bejn 400 u 500 rapport għand il-Korporazzjoni matul iż-żmien fejn persuna setgħet tersaq ‘il quddiem dwar is-serq tal-elettriku.
Qal li l-Enemalta qed tikkalkula li kien qed jinsteraq madwar €30 miljun f’elettriku kull sena. Saħaq li l-Enemalta se tirkupra €10 miljun minnhom.
60% tal-ismart meters imbagħbsa kienu fis-settur privat.
Frederick Azzopardi enfasizza li l-iskema li għalqet ilbieraħ, ħalliet effett pożittiv fuq l-Enemalta għaliex ġew identifikati metodi oħra kif kien qed isir serq tal-elettriku.
Qal li matul dawn l-aħħar sitt ġimgħat tressqu persuni l-Qorti u ġew sospiżi ammont sostanzjali ta’ persuni mill-Korporazzjoni.
Azzopardi mhux jeskludi li fil-jiem li ġejjin se jitressqu iżjed persuni quddiem il-Qorti b’rabta mas-serq tal-elettriku.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Enemalta qal li fil-bidu kien hemm indikazzjoni li kienu madwar elf l-ismart meters imbagħbsin iżda mill-investigazzjoni jirriżulta li n-numru huwa inqas.
Issa li l-lista ġiet aġġornata wara l-informazzjoni li nġabret, fil-jiem li ġejjin se jiġu ċċekjati meters ta’ persuni li ma ressqux ‘il quddiem u se jittieħdu passi legali.