“L-Enemalta qed tħammeġ u tonfoq aktar” – espert

Read in English.

Il-powerstations fil-Marsa u f’Delimara li huma l-punt ta’ emerġenza għall-Enemalta qed jaħdmu bil-gas oil jew kif inhu magħruf bħala diesel. Dan ġie kkonfermat mill-kumpanija stess ma’ Newsbook.com.mt wara numru ta’ mistoqsijiet. L-Enemalta kkonfermat li kull meta jintużaw dawn il-power stations, dawn jitħaddmu bid-diesel.

Ikkuntattjat minn Newsbook.com.mt, espert qal din hija xi ħaġa inkwetanti hekk kif id-diesel jiswa’ aktar u jħammeġ aktar.

Emerġenza wara li l-interconnector isofri ħsarat

F’Diċembru li għadda, l-interconnector ta’ 200MW li kien konness bejn Malta u l-grid Ewropea għadda minn ħsarat u minn dak iż-żmien ‘l hawn, l-impjant li hemm fil-Marsa kellu jintuża biex tintlaħaq id-domanda għall-enerġija.

L-enerġija ġġenerata mill-Enemalta toffri enerġija lill-pajjiż minn tliet sorsi prinċipali; l-interconnector ta’ 200MW, l-impjant ta’ Delimara ta’ 205MW imħaddem mill-Electrogas, u l-impjant ta’ Delimara li jissupplixxi 152.8MW. Minkejja li l-impjanti ta’ Delimara tat-tip D3 u D4 jistgħu jitħaddmu b’gass naturali. Minkejja dan, iż-żewġ power stations jitħaddmu bid-diesel u jintużaw bħala backup, bħal kif ġara meta l-interconnector sofra ħsarat.

L-Enemalta kkonfermat li t-turbina li tinsab fil-power station l-antika fil-Marsa titħaddem bid-diesel ukoll.

Sorsi qrib l-Enemalta qalu ma’ Newsbook.com.mt li l-impjant tal-Marsa kien qed jintuża’ minħabba li l-power station tal-Electrogas kienet qed titħaddem b’inqas minn kemm tiflaħ. Is-sorsi qalu li l-power station l-antika, Delimara 1, li kienet ħadet post l-impjant tal-Marsa, kienet tipproduċi 120MW fuq Heavy Fuel Oil, iżda setgħet titħaddem ukoll bid-diesel. Skont is-sorsi, l-impjant li seta’ ġie maqlub biex jintuża bid-diesel spiċċa żarmat.

Il-power station tal-Electrogas tipproduċi 150MW u mingħajr l-interconnector, Malta ma kienx se jirnexxielha tlaħħaq mad-domanda tal-elettriku. It-tiswijiet fuq l-interconnector mistennija jitlestew sa Marzu, sa dan iż-żmien, l-Enemalta kellha terġa’ tmur lura għall-użu tal-impjant tal-Marsa.

Risposta mill-Enemalta:

L-artiklu li għalih qed issir referenza jagħti l-impressjoni li l-impjanti ta’ emerġenza ta’ Enemalta jistgħu jitħadmu biż-żejt (heavy fuel oil) jew bid-diesel. Dan mhuwiex korrett għaliex l-impjanti ta’ emerġenza jitħaddmu bil-gasoil (diesel) biss, u ma jisgħux jitħaddmu biż-żejt.

Sakemm titwettaq it-tiswija fuq l-Interconnector ta’ bejn Sqallija u Malta, Enemalta tħalli żewg magni ta’ emerġenza spinning reserve il-ħin kollu sabiex dawn jitgħabbew f’każ ta’ emerġenza, u l-istess magni jipprovdu l-enerġija li jkun hemm bżonn fil-ħinijiet tal-ġurnata, b’mod speċjali tard matul il-jum meta d-domanda tkun waħda għolja.  Barra minn hekk, mhuwiex korrett li, preżentament, l-impjant tal-ElectroGas qed jitħaddem b’inqas minn kemm jiflaħ. Dan l-impjant jitħaddem skond il-bżonn matul il-ġurnata kollha, u jitħaddem sal-massimu possibli, jiġifieri 205MW, fis-sigħat meta d-domanda tkun l-ogħla.

L-artiklu jikkonkludi li “mingħajr l-Interconnector, Malta ma kienx se jirnexxielha tlaħħaq mad-domanda tal-elettriku”. Il-fatti tul dawn l-aħħar ġimgħat juru li dan mhuwiex minnu għaliex, mingħajr l-Interconnector, id-domanda għall-enerġija dejjem intlaħqet mingħajr diffikulta’. Enemalta ssostni l-importanza ta’ użu ta’ sorsi differenti u independenti biex filwaqt li niżguraw provvista kontinwa ta’ elettriku, jiġu limitati wkoll l-emissjonijiet skont kif maqbul mal-Unjoni Ewropea.