L-Enemalta ordnata tħallas spiżjar wara li nqata’ d-dawl

Il-Qorti tal-Appell ordnat lill-Enemalta biex tħallas €3,500 għall-mediċini lil spiżjar fil-Mosta, wara li kellu jarmi l-mediċini minħabba li nqata’ d-dawl.
Il-każ seħħ f’Lulju 2013 meta kienu ntfewlu l-fridges.
Fil-Qorti nstema’ li huwa kien ikkumpensat mill-kumpanija tal-assigurazzjoni tiegħu, li min-naħa tagħha ressqet talba biex tiġi kkumpensata mill-Enemalta.
It-Tribunal kien iddeċieda li l-Enemalta kellha tħallas is-somma msemmija lill-kumpanija tal-assigurazzjoni, iżda l-Enemalta kienet appellat minn din id-deċiżjoni.
Hija argumentat li l-ħsara li kkawżat il-qtugħ tad-dawl kienet waħda naturali u ma kellhiex kontroll fuqha.
Kienet qalet ukoll li l-kumpanija tal-assigurazzjoni ma kinitx ivverifikat li l-mediċini kienu tħassru qabel ma ħallset lill-ispiżjar.
Min-naħa tagħha l-Qorti tal-Appell, ippreseduta mill-Imħallef Anthony Ellul, ikkonkludiet li ma kienx hemm provi li l-ħsarat fil-cables ma setgħux jiġu evitati.
Dwar il-mediċini, il-Qorti qalet li ma tressqet l-ebda prova biex ixxejjen il-verzjoni tal-ispiżjar.