L-Enemalta minn mażra għall-ikbar investiment li qatt ra l-pajjiż – Joseph Muscat

Il-Prim Ministru Joseph Muscat, fil-ftuħ tad-diskussjoni fil-Parlament illejla dwar il-ftehim tal-Enemalta ma’ Shanghai Electric Power, iddeskriva s-sentiment fil-pajjiż bħalissa bħala wieħed ta’ ottimiżmu.
Saħaq li l-istess sentiment jinsab fl-Enemalta fejn issa l-futur tagħha hu garantit, u li minn mażra ma’ għonq l-ekonomija tal-pajjiż u sors ta’ periklu għall-għixien tal-ħaddiema nbidlet fl-ikbar investiment barrani li qatt ra l-pajjiż. Dan il-Gvern ġabu f’Malta għal korporazzjoni “li ħaddieħor ried jarmi għal €1 biss”.
Il-Prim Ministru rrefera wkoll għal dikjarazzjonijiet ta’ aġenziji internazzjonali tal-kreditu fosthom ta’ Standard and Poor’s li fl-2013 iddeskrivew lill-Enemalta bħala kumpanija vulnerabbli. Qal li llum, bil-maqlub, qed iqisu lill-Enemalta bħala l-mezz li permezz tagħha l-ekonomija qed tikber iktar minn dawk ta’ pajjiżi oħra fiż-żona ewro.
Saħaq li n-nies qed iħossu d-differenza permezz ta’ kontijiet orħos u stabilità fil-prezz tal-fuel fuq medda ta’ snin. Spjega li se jkomplu jħossu iktar benefiċċji fosthom b’arja iktar nadifa għax mhux se jibqa’ jintuża l-iktar żejt li jniġġeż fid-dinja.
Irrimarka wkoll li bil-ftehim ma’ Shanghai Electric, ġew salvati l-impjiegi ta’ mijiet ta’ ħaddiema waqt li l-Enemalta issa se tkun hub internazzjonali li tipprovdi servizzi lil kumpaniji oħra barranin.
Ikkritika lill-Kap tal-Oppożizzjoni għal dikjarazzjonijiet –fi kliem il-Prim Ministru- ‘żbaljati’ waqt li rrefera għaż-żieda fil-prezzijiet tal-fuel u tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma taħt il-Gvern preċedenti meta l-prezz internazzjonali taż-żejt kien qed jorħos.
Qal li llum, bil-maqlub, il-Gvern qed jiġi kkritikat li ma raħħasx biżżejjed imma s’issa raħħas il-kontijiet tad-dawl u tal-ilma b’25% qabel ma beda jorħos il-prezz internazzjonali taż-żejt. Anke l-prezz tal-petrol raħas sitt darbiet fl-aħħar sentejn qabel raħas il-prezz internazzjonali.
Waqt li wiegħed li l-Gvern se jibqa’ jgħaddi dak kollu li jista’ lill-familji Maltin, sfida lill-Kap tal-Oppożizzjoni biex isemmilu pajjiż wieħed li qed joffri l-prezzijiet tal-fuel kif iridhom hu. Akkużah li qed ikun diżonest, anke għaliex mhux jieħu in kunsiderazzjoni l-effett tal-kambju ta’ bejn id-dollaru u l-ewro. Fl-istess ħin, insista b’mod qawwi li l-Gvern ma jħarisx lejn il-prezz tal-immedjat biss imma jfittex stabilità fuq għadd ta’ snin. Kieku kien hekk, saħaq il-Prim Ministru, ma kienx ikun jagħmel sens l-investiment fl-interconnector bħalissa.
Insista li l-Gvern ried dan id-dibattitu fil-Parlament, minkejja li l-Oppożizzjoni pposponietu darbtejn, għax ried jinforma lill-pubbliku dwar dak li seħħ. Semma kif dan il-ftehim jorbot ma’ ftehim oħrajn li l-Gvern Malti għamel f’dan il-qasam fosthom fl-Ażerbajġan.