L-Enemalta għandha tikkumpensa minħabba l-qtugħ ta’ dawl – MHRA

L-Enemalta għandha tħallas għat-telf li qed jinħoloq minħabba s-serje ta’ episodji ta’ qtugħ tad-dawl skont l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA).

Illum diversi lokalitajiet madwar Malta esperjenzaw qtugħ fil-provvista tad-dawl. Ilbieraħ ġara l-istess.

Fi stqarrija l-MHRA qalet li l-qutgħ tad-dawl li esperjenzat Malta fl-aħħar jiem mhuwiex aċċettabli. Sejħet lill-Enemalta biex terfa’ r-responsabilità tal-falliment tagħha u dan b’mod speċjali minħabba l-investiment kbir li sar fl-infrastruttura tal-ġenerazzjoni tal-elettriku f’Malta fl-aħħar snin.

“L-MHRA tifhem li ħsara teknika li mhix kontrollabbli tiġri minn żmien għall-ieħor, imma ma tistax tifhem kif dan il-qtugħ tad-dawl madwar il-pajjiż kollu kien qed jiġri repetutament fl-aħħar ġimgħat,” qalet l-MHRA. Żiedet tgħid li peress li dan qed jiġri fi żmien il-festi allura jiżdied it-telf tal-lukandi u tar-ristoranti.

L-assoċjazzjoni qalet li pajjiż li ma jkollux provvista tad-dawl li ma tinqatax ma tantx jidher tajjeb ma’ investituri barranin u lokali.

Il-President tal-MHRA Tony Zahra talab liċ-Chairperson tal-MCESD biex isejjaħ laqgħa mal-Enemalta biex il-kumpanija tispjega x’inhu jiġri u biex tgħid x’se tkun qed tagħmel.

“Aħna klijenti important tal-Enemalta u ma nistgħix niġu trattati mingħajr rispetto. Il-membri tagħna qed isofru telf finanzjarju reali u se nkunu qed inżommu l-Enemalta responsabbli għal dan it-telf,” qal Zahra.

“Nuqqas ta’ informazzjoni ċara” – PN

Intant il-Partit Nazzjonalista qal li hemm nuqqas ta’ informazzjoni ċara dwar is-sitwazzjoni teknika mingħand min hu responsabbli.

Fi stqarrija ffirmata mill-MP David Agius il-PN qal li l-qtugħ tad-dawl qed iħalli impatt fuq il-familji u n-negozji.

“Hi sitwazzjoni li tfakkarna fl-agħar waqtiet tat-tmeninijiet,” qal il-PN.

“Illum il-poplu ma baqagħlux l-iċken dubju li l-pjanijiet tal-enerġija li Joseph Muscat ippreżenta fl-2013 ma kellhomx l-għan li jsolvu l-kwistjonijiet tekniċi li kellha Malta dak iż-żmien u wisq inqas li jiżguraw prezzijiet tal-enerġija kompetittivi fit-tul u sigurtà fil-provvista. Issa qed jidher iżjed ċar li s-sistema tal-enerġija li għandu pajjiżna mhix b’saħħitha biżżejjed għall-eżiġenzi tal-lum u qed tfalli mal-iċken problema li tikkawża kollass tas-sistema kollha.”

“Mill-informazzjoni li għandu l-Partit Nazzjonalista, il-problemi fl-interconnector bejn Malta u Sqallija qed ikomplu jikbru minħabba problemi oħrajn fin-netwerk tad-distribuzzjoni li ma ġewx indirizzati fl-aħħar snin,” qal il-partit.

Il-PN appella lill-Ministru responsabbli biex jagħti spjegazzjonijiet ċari dwar x’qed jiġri u x’se jsir fil-futur.