L-Enemalta biss se tkun responsabbli għad-distribuzzjoni tal-elettriku

Dalgħodu fil-Parlament kompla d-dibattitu dwar l-abbozz ta’ liġi li permezz tiegħu l-Korporazzjoni Enemalta tinbidel f’plc minħabba l-investiment tax-Shanghai Power Electric.
Id-Deputat Laburista u l-eks Ċermen tal-Enemalta Charles Mangion sostna li r-responsabbiltà tad-distribuzzjoni tal-elettriku f’Malta u Għawdex se tibqa’ tal-Enemalta biss.
Mangion saħaq li dan minkejja li l-provista tal-elettriku se tiġi minn sorsi varji, fosthom il-powerstation il-ġdida, l-impjant tal-BWSC imħaddem mix-Shanghai Electric u l-interconnector.
Qal li s-settur kollu se jibqa’ ssorveljat mill-Awtorità Maltija għar-Riżorsi (MRA) biex jibqgħu assigurati l-istandards li nkisbu. Żied jgħid li t-tariffi tal-enerġija se jibqgħu jiġu approvati mill-MRA ukoll.
Tkellem ukoll id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus, li sostna li filwaqt li l-Parlament qed jintalab japprova dan l-abbozz, il-kumpanija l-ġdida diġà twaqqfet u saħansitra ġimagħtejn ilu ġiet irreġistrata mal-MFSA. Saħaq li dan huwa nuqqas ta’ rispett għall-bqija tal-kamra.