​L-enċiklika tal-Papa Franġisku aktarx se ġġib l-isem “Laudato Sii”

L-isem tal-enċiklika l-ġdida tal-Papa Franġisku, li mistennija toħroġ aktar tard dan ix-xahar, aktarx sa jkun “Laudato Sii” (“Tkun imfaħħar int, [Mulej]”), espressjoni meħuda mill-Għanja tal-Ħlejjaq ta’ San Franġisk t’Assisi.
Dan tħabbar b’mod mhux uffiċjali ftit biss qabel il-pubblikazzjoni tad-dokument mistenni.
Dun Giuseppe Costa, direttur tad-Dar Editriċi tal-Vatikan, ta ħjiel tat-titlu tal-enċiklika l-ġdida waqt l-għoti tal-Premju Kardinal Michele Giordano, is-Sibt li għadda f’Napli.
L-enċiklika, li mistennija tiġi ppubblikata bejn fit-tieni nofs ta’ Ġunju, diġà nkitbet u bħalissa qed tinqaleb f’lingwi differenti.
L-enċiklika mistennija wkoll iġġorr is-sottotitlu “Fuq l-għożża tad-dar komuni”.
Il-Papa Franġisku kien tkellem dwar din l-enċiklika fil-vjaġġ lura mill-Korea t’Isfel f’Awwissu li għadda fejn stqarr id-diffikultà ta’ argumenti simili. Spjega li f’enċiklika bħal din, wieħed jista’ jitkellem biss dwar ċertezzi.
L-enċiklika mistennija tħalli impatt fuq it-tema tal-bidla fil-klima, u taf tgħin għad-diskussjoni u t-tfassil ta’ politika fid-dawl tal-indirizz tal-Papa lin-Nazzjonijiet Magħquda fiż-żjara tiegħu fl-Istati Uniti f’Settembru.
L-importanza tal-ħarsien tal-ħolqien reġa’ kien fost it-temi tal-omelija tal-Papa Franġisku fil-festa tal-Għid il-Ħamsin.