L-emozzjoni li tisma’ “Habemus Papam” minn Pjazza San Pietru

Kulħadd kien qed jgħid li l-kardinali se jieħdu iktar fit-tul mis-soltu biex jiddeċiedu min se jkun ir-Ragħaj il-ġdid tal-Knisja.

Tlajt Ruma l-Erbgħa filgħodu bit-tama li l-Papa jintagħżel sa mhux aktar tard mill-Ġimgħa. Meta wasalt, qabel nofsinhar, miċ-ċumnija ta’ fuq il-kappella Sistina kien diġà ħareġ duħħan iswed, sinjal li ħadd mill-kardinali ma kien għadu kiseb żewġ terzi tal-voti.

Għal xi t-tlieta ta’ waranofsinhar bdejt miexja lejn Pjazza San Pietru. Minkejja x-xita, ħafna nies inġabru fil-pjazza taħt l-umbrelel jitolbu, waqt li ħafna oħrajn stkennew taħt il-kolonnat. In-nies preżenti fil-pjazza kellhom ħaġa waħda komuni: kollha kellhom għajnejhom imsammrin fuq l-iktar ċumnija importanti fid-dinja, bit-tama li minn ħin għall-ieħor joħroġ duħħan abjad.

Fil-pjazza u l-madwar kien hemm ammont kbir ta’ ġurnalisti minn madwar id-dinja kollha. Kull fejn timxi, basta minn fejn tidher il-Bażilika, tara ġurnalist b’kamera quddiemu jagħmel kollegament min jaf għal liema stazzjon.

Ix-xita ma waqfet xejn. Għal xi l-erbgħa u nofs ta’ waranofsinhar ftehemt mal-Avukat Joe Mifsud biex niltaqgħu l-pjazza, għax inzerta tela’ ukoll għall-Konklavi. Qagħadna fin-nofs tal-pjazza, eżattament faċċata tal-gallerija. Ikkalkulajna li dak il-ħin, il-kardinali kienu qed jispiċċaw ir-raba’ votazzjoni. Imma saru s-sitta, ix-xita kienet għadha nieżla, u miċ-ċumnija ma ħareġ l-ebda duħħan.

Fil-pjazza nġabru iktar nies bi bnadar ta’ pajjiżi differenti. Fosthom ta’ Malta, li waħda minnhom kienet fuq quddiemnett tal-folla.

Saru s-sebgħa ta’ filgħaxija u bdejna nisimgħu li daqt se naraw id-duħħan miċ-ċumnija.

Sitt minuti wara, fil-pjazza nstemgħet għajta kbira. Ħarisna lejn iċ-ċumnija u ma ridniex nemmnu li qed naraw duħħan abjad. Kważi kulħadd ħareġ il-kamera tar-ritratti jew il-mobile u beda jgħajjat “Viva il Papa, Viva il Papa”.

F’daqqa waħda l-pjazza imtliet bil-ferħ: iż-żgħażagħ ikantaw u oħrajn jitolbu. Kulħadd jistaqsi min jista’ jkun il-Papa l-ġdid: jekk hux Taljan jew Amerikan.

Siegħa wara, jinfetaħ il-bieb tal-gallerija u nisimgħu “Annuntio vobis gaudium magnum: Habemus Papam … Dominum Georgium Marium Sanctae Romanae Ecclesiae Cardinalem Bergoglio”.

Ħdejja kien hemm tfajla u saċerdot mill-Arġentina, li bdew jirtgħodu u jibku bil-ferħ. Ma riedux jemmnu li l-Papa l-ġdid hu Arġentin. Mid-dehra s-saċerdot kien jaf lill-Papa u ħadem mill-qrib miegħu. Ċempel malajr id-dar u qalulu li fi Buenos Aires kien hemm delirju sħiħ.

Ftit sekondi wara, il-Papa Franġisku tfaċċa fil-gallarija. Tkellem b’mod sempliċi u umli. L-ewwel frażi li qal lid-dinja kienet “buona sera” u bi tbissima qal li l-kardinali marru jfittxu l-Isqof ta’ Ruma fin-naħa l-oħra tad-dinja.

Kienet emozzjonanti ħafna meta talabna biex nitolbu għall-Papa Emeritu u biex qabel ma hu jagħti l-ewwel barka appostolika tiegħu, inkunu aħna li nitolbu l-barka fuqu. Dak il-ħin fil-pjazza waqa’ skiet u ġabra kbira.

Wara l-barka, il-Papa sellem bil-kliem “buona notte e buon riposo”.

Anke wara li daħal lura mill-gallarija, l-atmosfera fil-pjazza baqgħet waħda ta’ ferħ. In-nies preżenti mill-Amerika Latina kienu kollha fi brijju u jxejjru l-bandiera. Saħansitra kien hemm tfajla liebsa il-gear tal-football tal-Arġentina.

Mill-ewwel impressjoni li ħadna ta’ Papa Franġisku hi li dan il-Pontifikat mistenni jkun ferm differenti minn ta’ qablu. Dan anke minħabba li l-Papa talabna biex nitolbu għalih.

Naħseb li l-Knisja dieħla fi żmien interessanti …

Ritratti: Catherine Aquilina/ Joe Mifsud