L-Emirati Għarab Magħquda jgħidu li lesti jikkooperaw fuq 17 Black

L-Emirati Għarab Magħquda lesti jikkooperaw mal-pulizija Maltija biex jipprovdu informazzjoni fuq il-kumpanija sigrieta ta’ Yorgen Fenech 17 Black, it-Times of Malta qed tirraporta.

L-ambaxxatur tal-Emirati għall-Unjoni Ewropea Mohamed Abushahab ġie kkwotat jgħid li l-awtoritajiet ta’ pajjiżu qegħdin f’kuntatt dirett mal-Maltin fuq din l-affari.

Qal li talba għall-informazzjoni waslet tard fis-sajf, u li l-Ministeru għall-Ġustizzja f’pajjiżu qed jiġbor l-informazzjoni relevanti. L-ewwel parti ta’ din l-informazzjoni għandha tiġi mgħoddija lil Malta fil-qrib.

17 Black kienet reġistrata f’Aġman, wieħed mis-7 emirati li jifformaw l-Emirati Għarab Magħquda.

F’emails li ġew ippubblikati b’riżultat tal-Panama Papers juru li 17 Black kienet se tgħaddi fondi lill-kumpaniji sigrieti ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri bħala “klijenta” tagħhom. Issemmiet ukoll kumpanija oħra reġistrata fl-Emirato Għarab Magħquda – Macbridge – iżda sidha għadu ma ġiex identifikat, u ma saret l-ebda riferenza għal Macbridge fir-rapport tat-Times.