L-Emirates tkopri l-ispejjeż tal-COVID-19 għall-klijenti tagħha

L-ewwel linja tal-ajru fid-dinja li qed tkopri l-ispejjeż mediċi u ta’ kwarantina marbutin mal-COVID-19 għall-passiġġieri tagħha, biex jivvjaġġaw b’inqas ansjetà għal kwalunkwe destinazzjoni, fi kwalunkwe klassi ta’ vjaġġar

L-Emirates qed tkopri l-ispejjeż marbuta mal-COVID-19 għall-klijenti tagħha

Il-klijenti tal-Emirates jistgħu jivvjaġġaw b’kunfidenza għax il-linja tal-ajru se tkopri sa €150,000 fi spejjeż mediċi u sa €100 fi spejjeż ta’ kwarantina, kuljum għal 14-il jum, jekk jinstabu pożittivi għall-COVID-19 matul it-titjiriet tagħhom. Dawn l-offerti qed jingħataw lill-klijenti tal-Emirates bla ħlas.

L-A.T. Sheikh Ahmed bin Saeed Al Maktoum, iċ-Chairman u l-Kap Eżekuttiv tal-Grupp Emirates qal li: “B’din id-direttiva tal-Altezza Tiegħu Sheikh Mohammed, il-Viċi President u l-Prim Ministru tal-Emirati Għarab Magħquda u l-Emir ta’ Dubaj, l-Emirates kburija li hi minn ta’ quddiem fl-industrija biex tkattar il-kunfidenza fl-ivvjaġġar internazzjonali. Konxji li n-nies jixtiequ ħafna jsiefru issa li l-fruntieri ta’ madwar id-dinja qed jiftħu mill-ġdid ftit ftit, imma qed ifittxu l-flessibbiltà u s-serħan tal-moħħ f’każ li jinqala’ xi ħaġa fil-vjaġġ.”

Qal ukoll li: “L-Emirates ħadmet ħafna biex timplimenta miżuri f’kull stadju tal-vjaġġ tal-klijenti tagħha ħalli tnaqqas ir-riskju ta’ infezzjoni, u bidlet għalkollox il-proċessi tal-ibbukkjar biex toffri aktar flessibbiltà. Issa nixtiequ ngħaddu għall-fażi li jmiss, billi nkunu l-ewwel linja tal-ajru li qed tagħmel tajjeb għall-ispejjeż mediċi u ta’ kwarantina marbutin mal-COVID-19 għall-klijenti globali tagħna f’każ li meta jsiefru jidħlu f’dawn l-ispejjeż. Dan hu investiment min-naħa tagħna, imma bih qed inqiegħdu lill-klijenti l-ewwel u nemmnu li huma se jilqgħu din l-inizjattiva.”

L-ewwel linja tal-ajru fid-dinja li qed tagħmel tajjeb għall-ispejjeż relatati mal-COVID-19

L-Emirates qed toffri din l-inizjattiva, bla ħlas, marbuta mal-ispejjeż mediċi u ta’ kwarantina minħabba l-COVID-19 lill-klijenti tagħha ta’ kull klassi ta’ vjaġġar u għal kull destinazzjoni. L-inizjattiva daħlet fis-seħħ immedjatament għall-klijenti kollha li jsiefru mal-Emirates sal-31 ta’ Ottubru 2020 (li l-ewwel titjira tagħhom tkun saret fil-31 ta’ Ottubru 2020 jew qabel). Hija valida għal 31 jum minn meta jagħmlu l-ewwel parti tal-vjaġġ tagħhom bl-ajru. Dan ifisser li l-klijenti tal-Emirates jistgħu jibqgħu jgawdu minn din l-inizjattiva anke jekk ikomplu jivvjaġġaw għal belt oħra wara li jkunu waslu fl-ewwel destinazzjoni tagħhom mal-Emirates.

Il-klijenti m’hemmx bżonn jirreġistraw jew jimlew formoli qabel isiefru, u mhumiex obbligati  jużaw dawn l-offerti pprovduti mill-Emirates.

Il-klijenti li jinstabu pożittivi għall-COVID-19 matul is-safar, kemm jikkuntattjaw il-linja tal-ajru f’wieħed min-numri għal dan il-għan, għall-assistenza u l-għajnuna finanzjarja.

In-numri u d-dettalji ta’ dak li tkopri din l-inizjattiva tal-Emirates b’rabta mal-COVID-19 issibhom mis-sit www.emirates.com/COVID19assistance

Safar bi flessibbiltà u b’kunfidenza

Issa li l-fruntieri qed jerġgħu jiftħu bil-mod matul is-sajf, l-Emirates irrevediet il-proċessi tal-ibbukkjar tas-safar magħha biex toffri lill-klijenti aktar flessibbiltà u kunfidenza meta jippjanaw il-vjaġġi tagħhom. Dawk li jitħarbtulhom il-pjanijiet tat-titjiriet jew tal-ivvjaġġar tagħhom minħabba r-restrizzjonijiet tal-COVID-19, jistgħu jżommu l-biljett li jibqa’ validu 24 xahar u jibbukkjaw titjira oħra aktar tard; isarrfu l-flus li jkunu nefqu fuq il-biljetti f’vouchers biex jużawhom meta jixtru biljett ieħor mal-Emirates fil-futur, jew jitolbu rifużjoni permezz ta’ formola mis-sit tal-Emirates jew mingħand l-aġent tal-ivvjaġġar tagħhom.

L-Emirates bħalissa sservi aktar minn 60 destinazzjoni fin-network tagħha u tħaffef l-ivvjaġġar bejn l-Amerka ta’ Fuq u ta’ Isfel, l-Ewropa, l-Afrika, il-Lvant Nofsani u l-Asja tal-Paċifiku b’konnessjoni konvenjenti f’Dubaj għall-klijenti globali tagħha.

Dubaj miftuħa: Il-klijenti tan-network tal-Emirates issa jistgħu jmorru Dubaj għax il-belt fetħet mill-ġdid għan-negozju u għas-safar divertenti bi protokolli ġodda ta’ vjaġġar bl-ajru li jħarsu s-saħħa u s-sigurtà tal-viżitaturi u l-komunitajiet. Għal tagħrif ieħor fuq ir-rekwiżiti tad-dħul għall-viżitaturi internazzjonali ta’ Dubaj, idħol hawn: www.emirates.com/flytoDubai

Is-saħħa u s-sigurtà l-ewwel: L-Emirates implimentat sett komprensiv ta’ miżuri f’kull stadju tal-vjaġġ biex tħares is-sigurtà tal-klijenti u tal-impjegati tagħha fuq l-art u fl-ajru. Qed tqassam ukoll b’xejn pakketti ta’ iġjene b’maskri, ingwanti, diżinfettant tal-idejn u wipes antibatteriċi lill-klijenti

kollha. Għal tagħrif ieħor, ara: www.emirates.com/yoursafety

Restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar: Il-klijenti huma mfakkra li r-restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar għadhom fis-seħħ, u l-klijenti jitħallew isiefru mal-Emirates jekk ikunu konformi mal-kriterji tal-eliġibilità u r-rekwiżiti tad-dħul tal-pajjiż li jkunu sejrin fih. Aqra aktar: www.emirates.com/travelrestrictions

Ir-residenti ta’ Dubaj jistgħu jiċċekkjaw l-aħħar rekwiżiti tal-ivvjaġġar minn hawn: www.emirates.com/returntoDubai

Din l-informazzjoni twasslet minn Emirates.