“L-immigranti jġibu magħhom enerġija għall-pajjiż”

Awstraljani jilqgħu lill-emigranti u refuġjati

Read in English.

L-immigranti u r-refuġjati  dejjem iġbu enerġija u dinamiżmu fil-pajjiż fejn imorru.  Jekk illum, l-Awstralja, hi dik li hi, pajjiż dinamiku u prosperu, dan hu grazzi  għall-imħabba għal-libertà u l-imħabba għall-valuri umani fundamentali tal-“Awstraljani l-ġodda”.

Din id-dikjarazzjoni li ntbagħtet lill-aġenzija tal-aħbarijiet FIDES saret mill-Isqof Vincent Long tal-Konferenza Episkopali Awstraljana.

B’dan il-kliem kienet inawgurta fl-Awstralja il-Ġimgħa għall-Immigranti u r-Refuġjati li ssir bejn id-29 u l-25 ta’ Awwissu fuq it-tema magħżula mill-Papa Franġisku: “Mhux biss dwar l-Emigranti”.

Mhux biss dwar l-emigranti

Mons. Long, id-delegat tal-Isqfijiet Awstraljani dwar l-Immigranti u r-Refuġjati, tkellem bil-qalb u b’passjoni dwar kif hu kien wasal fl-Awstralja bħala refuġjat Vjetnamiż ma’ dawk li kienu magħrufa bħala l-‘Boat People’.

Hu qal li aħna l- “Vietnamese Boat People, konna milqugħa b’ġenerożita f’dan il-pajjiż, u minn dakinhar ‘l hawn tajna l-kontribut tagħna lill-Awstralja bil-pid li għamilna. Ħafna minnha issa ssetiljaw sew u qed naħdmu għall-ġid ta’ dan il-pajjiż, bid-diversi attivitajiet ekonomiċi tagħna. Barra minn dan, il-preżenza tagħna tinħass ukoll fil-Knisja Awstraljana”.

“Minkejja l-proposta tas-‘soluzzzjoni finali’ li kien ressaq fis-Senat l-ex Senatur Awstraljan Fraser Anning biex il-pajjiż jirritorna għal- ‘Awstralja  tal-Bojod’, aħna qegħdin hawn u hawn se nibqgħu”, qal l-Isqof Long.

“Ma nafx fejn konna nkunu mingħajr il-fidi qawwija u l-ispirtu komunitarju qawwi tal-emigranti u r-refuġjati. Għalhekk, aħna nonoraw il-legat ta’ dan il-pajjiż kbir mhux permezz ta’ protezzjoniżmu eċċessiv, imma nkabbru lil pajjiżna billi jimpurtana u nieħdu ħsieb lil dawk li jfittxu ażil, lir-refuġjati u lill-emigranti bi spirtu ta’ kumpassjoni u solidarjetà li bnew l-istorja ta’ dan il-pajjiż”, temm jgħid l-Isqof Long.