Traġedja Żurrieq: L-MTA toħloq sistema ta’ sapport għall-vittmi

Il-Ministeru għat-Turiżmu għadu kemm nieda sistema ta' sapport, Incident Support Unit, fi ħdan l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), li se tkun qed titkellem mar-rappreżentanti tal-pajjiżi li minnhom ġejjin il-vittmi tal-inċident fatali fiż-Żurrieq.
Dan ġie kkonfermat fi stqarrija mibgħuta mill-Ministeru għat-Turiżmu.
Min-naħa l-oħra d-Dipartiment tal-Emerġenza u l-garaxx tal-Ambulanzi jinsabu lura għan-normal wara li lbieraħ waranofsinhar ġie ddikjarat stat ta’ inċident maġġuri fl-Isptar Mater Dei.
Spanjola ta' 37 sena u Belġjan ta' 62 sena tilfu ħajjithom wara li double-decker laqat siġra fil-baxx, filwaqt li seba' persuni oħra jinsabu f’qagħda kritika, tnejn minnhom tfal.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei, Ivan Falzon, qal ma’ Newsbook.com.mt l-emerġenza bdiet tieħu r-ruħ għall-ħabta tas-7:30pm, madanakollu fis-sigħat ta’ wara nofsinhar sostna li t-tobba xorta baqgħu jattendu l-każijiet l-aktar akuti.
Spjega kif minkejja li ġie akkumulat numru ta’ xogħol, ma kienx wieħed allarmanti u issa l-Emerġenza qed tiffunzjona b’mod normali.
Falzon irrimarka li kienu bosta dawk li segwew l-istruzzjonijiet biex jevitaw li jmorru l-emerġenza sakemm ma jkollhomx soluzzjoni oħra.
Jekk tixtieq tikkuntattja lill-Incident Support Unit, tista' tagħmel dan billi ċċempel fuq 22915405 jew tibgħat imejl fuq supportunit@visitmalta.com.