‘L-emendi jmorru kontra d-drittijiet tal-vittmi tal-vjolenza domestika’; WRF tiftaħ protest ġudizzjarju

pexels.com

Read in English.

Il-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa (WRF) fetħet protest ġudizzjarju kontra l-Ministeru tal-Ugwaljanza wara li l-Ministru Helena Dalli poġġiet emendi għall-Ordni ta’ Protezzjoni Temporanja fil-Kodiċi Kriminali, sena wara li din iddaħħlet. Il-Fondazzjoni sostniet li l-emendi proposti mill-Ministeru tal-Ugwaljanza jmorru kontra d-drittijiet tal-vittmi speċjalment meta l-vjolenza domestika hi meqjusa bħala ksur serju tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem.

Il-protest ġudizzjajru infetaħ il-Ħamis mill-avukat Lara Dimitrijevic għan-nom tal-Fondazzjoni.

Il-Fondazzjoni wriet it-tħassib tagħha dwar l-emendi proposti għaliex dawn fil-fehma tagħhom imorru kontra l-ispirtu tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika magħrufa bħala l-Konvenzjoni ta’ Istanbul. Sostniet li jekk dawn l-emendi jiġi implimentati, il-piż se jerġa’ jitpoġġa fuq il-vittmi li ħafna drabi huma nisa bit-tfal. Il-Fondazzjoni rrimarkat li hi verament ħasra li s-sitwazzjoni hi waħda fejn il-liġi li suppost tipproteġi lill-vittmi qed tpoġġihom f’sitwazzjoni fejn qed jiġu mċaħda mid-drittijiet fundamentali tagħhom.

Il-Fondazzjoni wriet it-tħassib dwar il-proposta li l-investigazzjoni biex jinħareġ l-ordni ta’ protezzjoni temporanja trid issir minn uffiċjal li huwa tal-inqas Spettur tal-Pulizija u saħqet li r-riżorsi fil-korp huma limitati. Il-Fondazzjoni sostniet li ma jistgħux jifhmu kif il-Qorti tista’ toħroġ tali protezzjoni filwaqt fl-istess ħin tħalli f’idejn il-pulizija jekk iridux jinvestigaw l-allegat aggressur jew le.

Il-Fondazzjoni sostniet li huma jinsabu konxji tal-fatt li minkejja l-obbligi legali li jeżistu lejn il-vittma meta ttitieħed azzjoni ulterjuri fil-konfront tal-allegat aggressur, ħafna drabi l-vittmi jispiċċaw f’sitwazzjoni li jridu jiġru huma wara l-informazzjoni. Il-Fondazzjoni saħqet ukoll dwar li l-vittma għandha tkun dejjem infutrmata bil-miktub dwar is-siġurtà tagħha u dwar jekk ikunux se jittieħdu proċeduri jew le.