Filmat: Il-Knisja tippreżenta lill-Gvern il-pożizzjoni tagħha dwar l-emendi tal-IVF

Il-Knisja ppreżentat lill-Prim Ministru Joseph Muscat, id-dokument bil-pożizzjoni tagħha dwar it-tibdil li l-Gvern qed iħejji għall-Att tal-Protezzjoni tal-Embrijuni.
F'laqgħa fil-Parlament, mal-Prim Ministru, il-Ministru Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari Chris Fearne, il-Professur Emmanuel Agius, f’isem l-Isqfijiet, saħaq li l-embrijun ma għandu qatt jintuża bħala kommodità u li hu dmir tas-soċjetà li tiddefendi lil min hu l-aktar dgħajjef.
“M’hemm xejn aktar dgħajjef mill-embrijun uman,” saħaq Il-Professur Agius.
Dun Emmanuel Agius, Dekan tal-Fakultà tat-Teoloġija, saħaq li mill-istudju li sar, kif inhi l-liġi bħalissa, ir-rata ta’ suċċess f’każijiet ta’ IVF hija daqs dik ta’ pajjiżi oħra li jippremettu l-iffriżar tal-embrijuni.
Għalhekk, id-dokument itenni l-pożizzjoni tal-Knisja li m’hemmx għalfejn jinħolqu embrijuni żejda li jistgħu jispiċċaw jinħlew u jintremew.
Il-Professur Agius spjega wkoll li xjentifikament, l-iffriżar tal-embrijun mhux meħtieġ. Kompla li l-ebda liġi Ewropea jew inkella sentenzi riċenti tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem ma jimponu lill-pajjiżi tal-UE biex ibiddlu l-liġijiet tagħhom.
Dan ifisser li l-pajjiżi membri għandhom jiddefinixxu huma meta legalment jagħtu l-protezzjoni umana. S’issa, l-liġi ta’ Malta tħares l-embrijun uman mit-tnissil tiegħu.
“Nemmnu li l-ħajja umana tibda mal-mument tal-fertilizzazzjoni u għandha tibqa’ hekk,” kompla l-Professur Agius.
Tkellem ukoll dwar id-donazzjoni tal-isperma jew il-bajda tal-mara u saħaq li din id-donazzjoni ma għandhiex x’taqsam ma’ donazzjonijiet tal-organi.
Dun Emmanuel Agius qal li d-donazzjoni tal-isperma jew il-bajda tista’ toħloq problemi sejri fil-futur tal-persuna, fosthom problemi ta’ identità.
Intant il-Prim Ministru Joseph Muscat iddeskriva dan l-istudju bħala validu ħafna u għalkemm iż-żewġ naħat qed jittilqu minn pożizzjonijiet differenti, hemm spazju għal diskussjoni.
Joseph Muscat qal li jifhem li l-Knisja qed titlaq minn rieda tajba u talab lill-Isqfijiet jifhmu li anke l-Gvern għax irid jgħin lil dawk li jixtiequ jibnu familja.
Għalaq id-diskors tiegħu billi qal li l-fatt li l-Knisja u l-Gvern qed jiddiskutu dan fuq l-istess medja, huwa tluq pożittiv.
Id-dokument ppreżentat mill-Knisja huwa magħmul minn 22 espert mill-oqsma tal-mediċina, il-liġi, il-psikoloġija, il-politika soċjali, l-istudji tal-familja, l-istudji tad-diżabilità, il-filosofija u t-teoloġija. Dan ġie preżentat lilll-Isqfijiet li aċċettawh bħala l-pożizzjoni uffiċjali tal-Knisja f’Malta u Għawdex.