​L-embrijun: 8 ċelloli għal Fearne; xorta uman għal Delia

Filwaqt li l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li l-embrijun fih tmien ċelloli, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia enfasizza li l-embrijun huwa uman.
Fearne u Delia kienu qed jitkellmu fil-bidu tad-diskussjoni dwar l-emendi li jintroduċu l-iffriżar tal-embrijuni u l-kiri tal-ġuf fl-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijun.
Ritratti qarrieqa – Chris Fearne
Il-Ministru qal li r-ritratti li qed jiċċirkolaw fuq il-mezzi soċjali mill-kamp ta’ kontra l-iffriżar tal-embrijuni huma qarrieqa għax embrijun ta’ tlett ijiem huwa tmien ċelloli waqt li bniedem adult għandu 100 miljun ċellola.
Fearne qal li bil-proċess tal-IVF skont il-liġi tas-sena 2012 ir-rata ta’ suċċess hija biss ta’ 10% waqt li bil-proċess tal-iffriżar tal-embrijuni, ir-rata tirdoppja. “Għalhekk bl-iffriżar tal-embrijuni hemm aktar ċans ta’ ħajja”, żied jgħid.
Huwa qal li bħalissa fl-Isptar Mater Dei hemm ħames embrijuni ffriżati u dan l-aħħar tnejn minnhom tpoġġew ġewwa l-omm.
Il-liġi tal-2012 kienet tħalli l-iffriżar f’każi eċċezzjonali meta kien assolutament meħtieġ biex tkun salvata l-ħajja tal-embrijun.
Fearne qal li l-Gvern irid jippromwovi soċjetà ġusta u ugwali fejn meta l-Parlament ivvota biex kulħadd jingħata ċ-ċans li jiżżewweġ u fl-istess waqt l-oppożizzjoni trid iċċaħħad id-dritt lill-familji LGBTIQ li jkollhom familja. 
Id-Deputat Prim Ministru qal li l-Gvern irid jiddekriminalizza l-kiri tal-ġuf bis-surrogazzjoni waqt li l-Oppożizzjoni trid li min iwettaq dak deskritt mill-Ministru bħala att ta’ mħabba u karità jitfgħu l-ħabs.
Il-Qorti Ewropea kontra l-kiri tal-ġuf –  Adrian Delia
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tqis li bil-kiri tal-ġuf jew surrogasija n-nisa u t-tfal jiġu ttrattati bħala oġġett. Il-Qorti tad-Drittijiet Umani tkellmet kontra l-kiri tal-ġuf kemm kummerċjali kif ukoll dik imsejħa bħala altruwista.
Adrian Delia qal li l-Gvern għandu jikkunsidra x’qalet il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li qalet li s-surrogasija twassal biex in-nisa u t-tfal jiġu oġġett waqt li l-mara tiġi l-oġġett tal-kuntratt.
Delia kompla li ma jaqbilx mad-deputat Prim Ministru għax, “l-uman fi stat embrijoniku kien u baqa’ uman”. Spjega li mil-liġi tal-IVF tal-2012 sa Novembru li għadda twieldu 232 tarbija b’dan il-proċess u fl-aħħar ħames snin saru 1,200 applikazzjoni għal trattament tal-IVF u f’każ wieħed biss din kienet irrifjutata għax ma kienx stabbilit li l-koppja kienet f’relazzjoni stabbli. Huwa qal li dan kollu jixhed li din il-liġi kienet qegħda taħdem fejn  koppji li jridu t-tfal qed jużawha b’suċċess. 
Huwa rribatta l-kritika li l-Oppożizzjoni kienet kontra koppji LGBTIQ li jkollhom tarbija permezz tal-IVF. Huwa spjega li l-liġi attwali titlob li l-proċedura tal-IVF jagħmluha koppji miżżewġa jew f’relazzjoni stabbli u għalhekk il-liġi kif inhi llum ma tiddiskriminax kontra d-drittijiet tal-LGBTIQ. Id-differenza spjega Delia, hija li issa l-liġi se tħalli anke persuni waħedhom jibbenefikaw mill-IVF.
Hu staqsa min se jiddefendi lit-tarbija fil-ġuf meta anki l-Kummissarju tat-tfal taqbel ma’ dawn l-emendi.
Sostna li ta’ 16-il sena t-tfal għandhom id-dritt tal-vot iżda ma jistgħux ikunu jafu min huma l-ġenituri tagħhom.
Live and Let Live – Rosianne Cutajar
Id-deputat Laburista Rosianne Cutajar qalet li l-persuni kollha li qed jopponu l-liġi kollha għandhom t-tfal.
Hija ddeskriviet il-kampanja kontra din il-liġi bħala  kampanja ta’ biża’ mibnija fuq nuqqas kbir tal-verità.
Skont id-deputat Laburista, il-kamp ta’ kontra l-iffrizar tal-embrijuni mhu qed joffri l-ebda alternattiva ħlief li ‘jintefgħu f’riġlejn Alla’ jew imorru jonfqu ġidhom barra l-pajjiż.
Waqt li ddeskrivit lilha nnifisha bħala persuna li ma tmurx il-quddies kull nhar ta’ Ħadd, Cutajar qalet li hi temmen li kulħadd għandu jimxi mal-proverbju Ingliż ‘Live and let Live’. Hija qalet li anke waqt id-dibattitu dwar id-divorzju saret kampanja ta’ biża. Illum, snin wara li f’Malta daħal id-divorzju,kompliet tgħid Cutajar, bqajna ngħixu f’pajjiż normali. Hija saħqet li t-trattament tal-IVF għandu jkun dritt u mhux privileġġ.
Fid-diskussjoni tkellem ukoll id-deputat nazzjonalista Stephen Spiteri.