​L-Embassy tal-Belt se tinbidel f’lukanda

Iċ-ċentru tax-xiri tal-Embassy se jiġi mibdul f’lukanda ta’ erba’ stilel, l-ewwel waħda fil-Belt Valletta.
Fi stqarrija, l-Awtorità tal-Ippjanar qalet li llum ngħata l-permess mill-Bord tal-Ippjanar biex dan il-proġett isir.
Għalkemm hemm diversi guest houses fil-Belt, din se tkun l-ewwel lukanda approvata.
Id-Direttorat tal-Ippjanar irrakkomanda l-approvazzjoni ta’ din l-applikazzjoni.
Fi stqarrija, l-Awtorità qalet li l-permess jinkludi t-trasformazzjoni tal-kumpless għal-lukanda b’82 kamra b’diversi faċilitajiet fosthom pixxina.
Iċ-ċinema se tiġi fis-sulari ta’ isfel. Skont rapporti fil-midja, id-Direttur Maniġerjali tal-Embassy, Bettina Azzopardi, qalet li x-xogħol mistenni jieħu minn sitt sa tmien xhur. Mhux mistenni jibda din is-sena.
Iċ-ċinema tal-Embassy ilha teżisti sa mill-ħamsinijiet, iżda fl-1999 kienet twaqqgħet u reġgħet inbniet f’kumpless b’numru ta’ sulari li kien jinkludi ukoll iċ-ċentru tax-xiri.
Ritratt: Awtorità tal-Ippjanar