L-elezzjonijiet lokali fit-Turkija jistgħu jiddeterminaw il-futur ta’ Erdogan

Il-Poplu Tork qed jivvota fl-elezzjonijiet lokali li jistgħu jiddeterminaw il-futur politiku tal-Prim Ministru Recep Tayyip Erdogan.
Din hija l-ewwel elezzjoni minn meta eluf ta’ dimostranti, minn Ġunju li għadda, niżlu jipprotestaw fit-toroq kontra l-Gvern u min meta ħarġu rapporti ta’ korruzzjoni minn diversi esponenti tal-Gvern Tork.
Għalkemm Erdogan mhux kandidat f’dawn l-elezzjonijiet, fl-aħħar ġimgħat għamel kampanja kbira għall-Partit tal-Ġustizzja u l-Iżvilupp.
Il-Partit fl-Oppożizzjoni qed jiġġieled biex kandidat tiegħu jieħu minn idejn il-partit ta’ Erdogan il-kariga ta’ Sindku fil-Belt ta’ Istanbul. Min-naħa tiegħu Erdogan iddeskriva l-kandidati tal-Oppożizzjoni bħala tradituri u ħeġġeġ lill-partitarji tiegħu biex jagħtuhom tagħlima.
Intant matul il-kampanja, l-Gvern ipprojbixxa l-użu ta’ Twitter u YouTube għax fi kliem Erdogan il-midja soċjali qed ixerred informazzjoni skoretta.
Minbarra dan, ilbieraħ f’Gezi Park, fejn f’Mejju u f’Ġunju tas-sena l-oħra saru protesti qalila kontra l-Gvern, reġa’ kien hemm xi dimostrazzjonijiet.
Illum kien irrapurtat ġlied bejn partitarji ta' kandidati rivali li matulhom tilfu ħajjithom żewġ persuni.