L-elezzjonijiet fl-Afrika m’għandhom ikunu saħta għall-poplu

Żgħażagħ f’ Conakry jimblukkaw it-triq bi protesta konra l-Presidnet Alpha Conde. (AFP or licensors)

Il-Knisja f’Guinea Conakry qed tappella għal djalogu politiku wara li diversi protesti fil-pajjiż wasslu għall-mewt ta’ disa’ persuni.  Kemm l-Oppożizzjoni fil-pajjiż kif ukoll is-soċjetà ċivili qed jissuspettaw li l-President Alpha Conde qed jippjana biex is-sena d-dieħla jerġa’ jikkontesta l-elezzjonijiet presidenzjali – ħaġa li tmur kontra l-Kostituzzjoni tal-pajjiż.

“Il-ġlieda għad-demokrazija fl-Afrika ma tridx tkun il-ġlieda ta’ poplu wieħed imma ġlieda tal-Afrika kollha, tal-popli Afrikani kollha bla distinzjoni.”, qal Fr. Donald Zagore, teologu mill-Kosta tal-Avorju li hu membru tas-Soċjtà tal-Missjunarji Afrikani.

L-impunita tħarbat il-paċi u l-iżvilupp

Fr. Zagore kompla jgħid li “din hi ġlieda għall-paċi u allura għall-iżvilupp. Il-popli fl-Afrika huma għatxana għall-iżvilupp. Il-popli jbati minħabba l-impunità li għandhom il-politiċi Afrikani li moħħhom biss biex jipproteġu l-poter politiku”.

Hu qal li “l-elezzjonijiet m’għandhomx ikunu saħta għall-Afrika u l-kontinent m’għandux jispiċċa f’qabar tal-umanità”.

Attivisti jisfidaw

Il-Gvern tal-Guinea sena ilu pprojbixxa l-protesti fit-toroq minħabba dak li sejjaħ “theddid għas-sigurtà pubblika. Il-ġimgħa li għaddiet il-qawwiet tas-sigurtà użaw forza eċċessiva waqt protesti fil-pajjiż kollu li fihom iċ-ċittadini qed jiġġieldu għad-dritt li jipprotestaw.

Attivisti li jopponu l-Kostituzzjoni ġdida li hi proposta mill-Gvern qed imexxu dawn id-dimostrazzjoniet ta’ protesta.

Il-Kostituzzjoni l-ġdida se ssir biex il-President Alpha Condè ikun jista’ jikkontesta għal drba oħra fl-elezzjonijiet presidenzjali tas-sena d-dieħla.  Hu ilu fil-poter mill-2009 u bil-Kostituzzjoni kif inhi sal-lum ma jistax jerġa’ jikkontesta.

Fil-Guinea hemm diversi gruppi etniċi iżda l-akbar tnejn huma l-Malinkè u l-Peuhl li għal raġunijiet politiċi spiss jitlewwmu.  Il-parti l-kbira tal-Forzi Armati huma Malinkè u dan iwassal li ħafna drabi jkun hemm ġlied kbir bejn il-pulizija u l-popolazzjoni ċivili li huma Peuhl.

Membri tal-Oppożizzjoni l-ħabs

L-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters irrappurtat li ħames membri tal-Oppożizzjoni u mexxejja tas-soċjetà ċivili f’Guinea, nhar it-Tnejn li għadda kienu kundannati għall-ħabs wara li nstabu ħatja li organizzaw protesti kontra t-tibdil fil-Kostituzzjoni.

Abdourahmane Sanoh, ex Ministru u wieħed mill-organiżżaturi tal-protesta tal-ġimgħa li għaddiet intbagħat sena ħabs talli ħajja għad-disubbidjenza ċivili, skont l-Imħallef li pproċessa l-każ.

Il-President Condè li għandu 81 sena, it-tieni terminu presidenzjali tiegħu jintemm is-sena d-dieħla, mhux qed jeskludi li jerġa’ jikkontesta darb’oħra u talab lill-Gvern tiegħu biex jikteb Kostituzzjoni ġdida.